Francis Ebejer

francisebejerFrancis Ebejer twieled fit-28 ta’ Awwissu 1925 f’Ħad-Dingli. Missieru Ġużè kien is-Surmast tal-iskola Primarja f’Ħad Dingli waqt li ommu kienet għalliema tal-Matematika fl-iskola sekondarja ċentrali fil-Belt Valletta. Fl-1942, wara li ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo, beda l-Kors tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta imma ma kompliehx u daħal interpretu Ingliż-Taljan mal-British Eighth Army fl-Afrika ta’ Fuq. Sentejn wara daħal għalliem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fl-1948 mar għall-kors ta’ sentejn f’St Mary’s College fi Twickenham, Middlesex. Wara li temm il-kors huwa laħaq surmast, kariga li żamm sakemm irtira fl-1978. Sadanittant, bejn l-1961 u l-1962 huwa ngħata l-Fulbright Travel Grant għall-Istati Uniti, fejn dam tmien xhur.

Sal-1950 Ebejer kiteb biss bil-lingwa Ingliża. Ix-xogħlijiet tiegħu jikkonsistu f’poeżiji, novelli, artikli u saġġi. Fl-1953 ippubblika novella fil-Woman’s Own. Meta beda jikteb bil-Malti fl-1950, meta daħal għall-kompetizzjoni tal-Malta Drama League għar-Rediffusion. Ir-radjudramm Ċpar fix-Xemx rebbħu l-ewwel premju. Aktar tard ġie ppubblikat f’Leħen il-Malti. Minn hawn ’il quddiem ir-radjudrammi kotru bis-sħiħ. Fost l-oħrajn ta’ min isemmi Bwani, Sefora, Is-Sejħa ta’ Sarid, Dawra Durella, Majjistral, Ix-Xorti ta’ Mamżell u Il-Bidu Jintemm.

Fil-bidu tas-snin sittin, l-interessi ta’ Ebejer daru għat-teatru, bl-ewwel dramm bi tliet attiVaganzi tas-Sajf, li għalih ingħata l-ewwel premju fl-ewwel kompetizzjoni għad-drammi organizzati mill-Kumitat tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel. Wara dan kien hemm għadd mhux ħażin ta’ drammi bi tliet atti: Boulevard, Menz, Il-Ħadd Fuq il-Bejt u Karnival fost oħrajn. Erbgħa minn dawn id-drammi għandhom x’jaqsmu ma’ karattri Maltin u sitwazzjonijiet fis-sfond Malti. Aktar tard, l-ewwel erba’ drammi li kiteb kienu tradotti għall-Ingliż mill-awtur stess.

Sadanittant, Francis Ebejer kiteb rumanzi bħal In the Eye of the Sun u drammi għat-televiżjoni bħal Hemm barra, Morru Sejħu lill-Werrieta, u tlettax-il episodju ta’ Id-Dar tas-Soru. Kiteb ukoll xi plays bl-Ingliż bħal The Cliffhangers (aktar tard maqlub għall-Malti fl-1974 bħala L-Imwarrbin)Fost l-aqwa xogħlijiet li kiteb insibu Summer Holidaysli ġiet tradotta għall-Franċiż, Taljan u Ġermaniż. Xi drammi oħra ttellgħu barra minn Malta – ngħidu aħna Menz ġiet mtella’ fi Spanja, Tokyo u Venezja.

Ebejer fl-istejjer u d-drammi tiegħu jirrifletti ħafna fuq il-ħajja personali tiegħu, il-fatti u disfatti li għadda minnhom f’ħajtu, fuq l-ambjent li kiber fih u li serva bħala l-bażi tal-personalità tiegħu. Fil-fatt l-ossessjoni għall-għeruq tiegħu jinħassu fil-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet ta’ Ebejer.

Ossessjoni oħra li tinħass f’ħafna fil-kitbiet ta’ Ebejer hija dik tal-fertilità. Ebejer juża l-mara bħala simbolu tal-fertilità, mod speċjali l-mara tradizzjonali Maltija li, għal Ebejer, hija simbolu tal-ġabra, ta’ min jaħdem b’mod altruwistiku mingħajr kundizzjonijiet. Din il-mara Maltija, li l-figura tagħha tidher ta’ sikwit fix-xogħol tiegħu, toffri kuntrast qawwi mal-figuri femminili l-oħra, li jidhru fid-drammi tiegħu. Hemm, per eżempju, il-mara isterika li tirrappreżenta lill-klassi ‘artifiċjali’ u li tipprova ċċekken il-figura tar-raġel; din ukoll tagħmel parti mill-bijografija intima tal-awtur.

Insibu wkoll ħafna burdati differenti fix-xogħlijiet ta’ Ebejer. Kultant naraw burdata serja, drabi oħra sarkastika, drabi oħra xewqa kbira għat-tisfija mid-dnubiet. Hemm ukoll sens kontinwu ta’ tfittxija. Dan joħroġ mill-kuntrast li jagħmel l-awtur bejn il-mixi u l-waqfien li jbeżża’. Il-ħajja tal-awtur tkompli toħroġ minn dawn il-kuntrasti u konflitti, parodiji u ironiji, li jagħmlu parti mit-teatru ta’ Ebejer daqs kemm jagħmlu minn ħajtu.

Ebejer rebaħ ħafna unuri u premjijiet għax-xogħlijiet tiegħu kemm għat-televixin kif ukoll għall-palk. Fost dawn il-premjijiet rebaħ il-Premju tal-Letteratura Maltija għal erba’ darbiet, iċ-Cheyney Award for the Best Producer fl-1984, il-Phoenicia for Culture fl-1982 u l-1985, u l-premju Citta di Valletta fl-1989. Fl-1986 irċieva il-Medaille d’Honneur de la Ville d’Avigona fi Franza għal wieħed mid-drammi tiegħu li ġie tradott għall-Franċiż. Kien ukoll membru onorarju tal-Accademie de Vaucluse ta’ Franza u membru tal-Akkademja tal-Malti mill-1984 u serva fil-kunsill fis-snin 1984-1988.

Francis Ebejer miet fid-dar tiegħu fis-Swieqi fl-10 ta’ Ġunju 1993, u għall-funeral tiegħu f’Ħad-Dingli attendew ħafna membri parlamentari, atturi, produtturi tal-palk u pubblikaturi. Huwa jinsab midfun fiċ-ċimiterju ta’ Ħad-Dingli.

 

Joseph P. Borg

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s