(minn intervista li saret lil ibnu Mario)
Xogħlu kien dejjem fil-kitba, allura kull ċans li kien ikollu, kull mument, arah imur il-Bibljoteka, jaħdem fejn qed jaħdem, u jqatta’ n-nofs ta’ nhari hemmhekk jikkopja l-manuskritti dwar il-Malti. Infatti l-isbah ħatra li kellu kienet proprju meta ħadem għal xi żmien il-Bibbljoteka, għax hemmhekk seta’ jagħmel ir-riċerki li xtaq. Pero` nerġa’ ngħid, kien impjegat tal-gvern bil-fors. Skond hu u skond in-nannu, kellu jsir tabib. Tabib ma rnexxiex għax iltaqa’ m’ommi u sfratta kollox. Imbagħad tfaċċajt jien, għax jien l-ewwel wieħed li komplejt sfrattajtlu l-pjanijiet li kellu f’rasu. Effettivament il-karriera tiegħu, għalkemm riedu jpoġġuh xi mkien, sabet it-triq weħidha.
L-uniku inċident li naf bih u li anki hu baqa’ jiftakar, u ddispjaċih għalih kien ir-ras iebsa li wera dak iż-żmien Nerik Mizzi dwar il-lingwa Maltija, u li hu kien ħass li għaliha m’għandux jiffirma dik il-magħrufa ċirkolari hu. Ħaġa li qajmet ħafna polemi anki wara meta sar membru ta’ l-Akkademja.Għalkemm lil Nerik Mizzi kien jammirah, fuq dan il-punt biss, qatt ma qabel jew seta’ jaqbel miegħu. Kellu xi jgħid darb’oħra fuq hekk miegħu u dan meta Nerik Mizzi kien ġie lura mill-Uganda wara li kien internat u missieri li kien tabilħaqq ħabib intimu miegħu, mar jilqgħu. (Kien jgħoddu qisu ħuh il-kbir, jekk mhux missieru, biex ngħid hekk). Nerik Mizzi kien dak iż-żmien ipproponielu biex jipprova jibda joħroġ gazzetta. Naturalment qamet il-kwistjoni tal-Malti. Nerik Mizzi ried juża l-Malti li sfortunatament kien għadu iffissat bih, il-Malti ortografikament Taljanizzat u li għalih missieri rrifjuta li jidħol. Qallu: Jew il-Malti tajjeb jew gazzetti ma niħux. U spiċċa biex il-gazzetta b’dak il-Malti stuprat ma ħadhiex.
Kien ilu li beda r-riċerka fl-etimoloġija. Jiena sibtlu dokumenti li jmorru lura sa l-1931, jiġifieri qabel ma żżewweġ. Appuntu qed insemmu ż-żminijiet ta’ meta kien segretarju ma’ Nerik Mizzi. Il-Malti għalih, kważi kważi kien aqwa mill-familja. Fil-fatt kien jissakkar f’dik il-kamra, hekk niftakru, kellu kamra, l-istudju tiegħu, u hemm ħallih iqalleb id-dizzjunarji. Malli jistrieħ ftit, kien joħroġ minn dik il-kamra, imur jisma’ ftit mużika.
Meta mbagħad verament kien irid jaqta’ kompletament u jibdel, kien jilgħab iċ-ċess jew jilgħab bil-bolli.
Il-Miklem Malti jgħidu li hu xogħol monumentali. Jiena wkoll nixtieq li nara ppubblikati l-kumplament tad-Divina Commedia, li għalija hu xogħol monumentali ieħor. Hemm ukoll l-istudju tat-Toponomastika li hu xogħol sabih ukoll. Hemm l-istorja tal-mużika. Għandu diversi affarijiet li mhumiex ippubblikati. Ta’ min hu t-tort ma nistax ngħid. Forsi għandna tort aħna l-aħwa. Jibqa’ l-fatt li Il-Miklem Malti, is-sabih li fih, minbarra li għandek is-sinifikat tal-kelma, apparti li għandek l-idjomi tal-kelma, għandek il-qwiel magħha u għandek id-diversi stadji ta’ kif tintuża l-kelma f’diversi oqsma tal-ħajja,għandek ukoll l-etimoloġija kollha. Għalhekk mhux sempliċement issib it-tifsiriet tagħha, imma studju sħiħ dwarha. Kiteb il-ġrajja ta’ l-Ilsien Malti u fl-Addenda tal-Miklem hemm il-Werrej ta’ l-Għeruq.
Meta ried jikteb id-dramm Razju Vidal skopra li l-Malti li kellu f’idejh dak iż-żmien ma kienx tajjeb biżżejjed biex jużah fid-dramm. Dramm li suppost hu ta’ żmien l-Ispanjoli, isir l-Imdina fejn il-Malti kien għadu inqas mimsus milli hu llum b’lingwi oħra. Allura ried ifittex ċertu kliem li fil-Malti ma sabx. Mar għal xi dizzjunarji u ma nqediex. Allura beda jiġbor dizzjunarju li żejnu bil-kliem. Għall-ewwel semmieh Vokabolarju, biex jara eżattament it-tifsira tal-kelma. Beda jfittex u jidħol fl-Għarbi, fil-Lhudi, biex jimxi mas-Semitiku. Effettivament ir-Razju Vidal kitbu b’din l-għajnuna pero’ mbaghad tant sar xogħol sabiħ li beda jespandi.Minn volum saru erbgħa, minn erbgħa saru tlettax u minn dawk it-tlettax li ma kienx spiċċahom kollha, probabbilment kienu jsiru tmintax li minnhom kellhom isiru għaxar volumi stampati (jaqbel man-numru tal-forom) li jiena ma laħħaqthomx għax ma xtaqt inżidlu xejn ma’ li għamel hu u saru disgħa. Saru għaxra bl-addenda.
Il-Miklem Malti huwa l-uniku dizzjunarju, monolingwi, mill-Malti għall-Malti li jagħtik it-tifsiriet mill-għeruq għalkemm fl-etimoloġija għandu lingwi oħra: bl-Ispanjol, bl-Għarbi, bl-Ingliż, bil-Franċiż u oħrajn. Kultant il-kelma jiddeskriviha qabel b’diversi lingwi, kif jgħidulha awturi oħra, Maltin oħra, bit-Taljan, eċċ. Ħafna għall-ewwel ħasbu li se jkun fjask, għaliex mill-Malti għall-Malti min iridu? Illum nafu li mhux fjask, għax ħafna studenti żgħażagħ, kliem bil-Malti li jsibuh fil-letteratura Maltija ma jafux xi jfisser. Apparti li għen ħafna oħrajn biex jistudjaw aktar u jaħdmu t-teżijiet tagħhom fuqu.Dwar l-istudji li qed insemmi hemm it-teorija li kellu dwar il-kwadrilitteri, li mhux kulħadd kien jaqbel magħha, pero` jidher ċar li almenu tmenin fil-mija minn dak li qal jidher li kien minnu. Din it-teorija kienet ġiet stampata jekk m’iniex sejjer żball, f’wieħed mill-fuljetti ta’ l-Universita`. Il-kwistjoni li jġib id-dizzjunarju bħala etimoloġija u għeruq tal-kliem tvarja u ma tvarjax. Hu kellu l-ideat tiegħu. Hu kellu l-ideat tiegħu. Sfortunatament għamel ħiltu kollha biex ikellem lill-Akkademja biex dawk l-ideat jiġu studjati u jimxu. B’xorti ħażina, għal xi raġuni li ma nafx x’inhi, l-Akkademja qatt ma tat kasu, allavolja kien membru tagħha. Forsi dak iż-żmien kien hemm xi potenzi, xi poteri li kellhom bżonn jibqgħu fidili lejn il-Malti qadim, mhux il-Malti rivoluzzjonarju, kif kien qed jipprova jagħmlu hu. Effettivament kellu joħroġ id-dizzjunarju u ħareġ b’dan li għedt, li llum l-Akkademja ħadet azzjoni fuqhom. Uħud aċċettathom, uħud irrifjutathom.
Erin ma kienx purista. Il-Malti modern aċċettah u anki aċċetta kliem bl-Ingliż miktub bil-Malti, bħal wejter, bajsikil u oħrajn, li bħala eżempju Dun Karm kien igħid biċiklu. Il-lingwa kif mitkellma. Illum meta nara d-dizzjunarju tiegħu, insib li daħħal kliem fih li l-anqas kont timmaġina li fis-sebgħinijiet kienu biss jintqalu daqshekk, imma saru popolari. Ir-rivoluzzjoni hawn l-aktar li kienet, fid-dħul ta’ dan il-kliem barrani li hu kien isostni li mhux barrani la sar Malti, u li aħna għamilnieh tagħna. Ir-rivoluzzjoni l-kbira kienet fil-biċċa ta’ l-għeruq. L-ewwel darba li sar pass bis-serjeta` biex bniedem jara mnejn ġejja l-kelma. Kien hawn ħafna taħwid fuqha. U din forsi ma kinitix aċċettata mill-ewwel sa barra u li bdiet tirfes fuq xi ‘kallu’ ‘l hemm u ‘l hawn. Hu kien jgħidlek: “Jekk it-triq dritta u jien irrid ngħaddi minnha, ma nikkonfondix lil min se ngħaffeġ”. Din hi d-diżgrazzja, li min ikun dritt, ħafna drabi ma jindunax li jista’ joħloq l-inkwiet lil min ikun ħalla ismu fl-istorja. Għalhekk qabad u kiteb dak l-istudju u t-tiftix qalulu li tabilħaqq kien.
Matul il-gwerra kiteb diversi drammi u novelli. Kienet tinteressah ħafna l-mużika sinfonika u operistika. Fil-fatt anki ta diversi konferenzi dwar dan u kiteb L-Istorja ta’ l-Opra Lirika u Annali ta’ l-Opra Lirika, li hu dizzjunarju ieħor uniku dwar l-istorja tal-lirika u tal-mużika.
Meta kien isiefer, l-aktar li mar l-Italja għand ħuh, Padre Piju. Hemmhekk ukoll kien jagħmel xi kuntatti, pero` hemmhekk ġeneralment kien imur biex jara l-opri. Hemmhekk kiteb l-aħħar dramm tiegħu li għadu mhux ippubblikat, id-dramm ta’ Santa Tereża. Ittraduċieh minn xi ktieb ieħor Franċiż, għadu manuskritt, mhux ittajpjat. Nittama li xi darba nittajpjawh u joħroġ. Sabiħ immens. Naturalment mhux oriġinali, għax mhux tiegħu, imma l-idea tal-ġlieda ta’ Santa Tereża u x-xitan hija xi ħaġa eċċezzjonali.
Erin Serracino Inglott twieled fl-1904 u miet fl-1983.
Xtaqt nagħti hawn taħt tifkira tat-tip ta’ umoriżmu tiegħu, bil-logħob bil-kliem f’poeżija li kiteb b’tifkira ta’Amerigo Scarlatti, awtur tas-sensiela tal-kotba: Et ab hic, et ab hoc
XEJN !
Meta dikment xi darba, Xħin wara, fis, għadilli,
bħalkieku dlonk sabiex, xi ftit lilhinn u ‘l hawn,
biswit, għenelli, f’daqqa, kulħadd, għalxejn u l-għala,
jew, jekk aħjar, għaliex? bla bejn, ilkoll, bħal dawn!
Aktarx, minn fuq, b’dan kollu, Issa pitgħada, bilġri,
biss biss, ukoll mingħajr, u traku bans moqbejl,
jewwilla mhux fost kollox jew wara ‘l fuq u ‘l isfel,
bilkemm jalla malajr…ll-lum flok ewl-il-lejl!
Imma b’daqshekk għalissa, Bansejn, fil-ġenb, għamnewwel,
bil-bosta lanqas xejn…il-kotra nkella l-flien,
Iżda, kif qatt biżżejjed, il-bieraħ ma’ l-ewliemes,
dalwaqt? U…mnejn sa fejn? fid-dieher, kullimkien!
Immela, ġaladarba,
għalkemm mhux minnufih,
u saħansitra dejjem,
jaħasra….. Merħba bih!