Ninu Cremona dwar E.B. Vella EMANUEL BENJAMIN (E.B.) VELLA twieled il-Mosta, fl-20 ta’ Ġunju 1898. Huwa l-kbir fost seba’ wlied ta’ Klement u Karmela neè Azzopardi. Vella beda t-tagħlim tiegħu fl-Iskola Elementari tal-Gvern, il-Mosta. Ta’ età żgħira, flimkien ma’ zijuh Dun Ġammarì Azzopardi, kien imexxi l-ewwel ċentru tad-duttrina Nisranija li waqqaf fil-Mosta il-Qaddis Malti, Dun Ġorġ Preca.
Vella kien Membru tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (li minnha tnisslet l-Akkademja tal-Malti). Huwa kien ukoll awtur ta’ pubblikazzjonijiet bil-Malti. Fit-tletinijiet, bil-kollaborazzjoni ta’ Ġorġ Pisani, ippubblika sensiela ta’ kotba ta’ qari bil-Malti għal kull sena tal-iskejjel primarji tal-Gvern, bl-isem Ġabra ta’ Ward. Din is-sensiela damet tintuża fl-iskejjel sas-snin sittin tas-seklu l-ieħor. Minbarra t-tagħlim tal-Malti, E.B. Vella kien jisħaq ukoll fuq it-tagħlim tal-Ingliż b’mod professjonali, tant li ppubblika ktieb The Teaching of English in Our Primary Schools. Kellu ħafna għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Hu kien kien jgħin lil Temi Zammit fit-tiftix arkeoloġiku, l-aktar fl-inħawi ta’ madwar il-Mosta, raħal twelidu. Vella kien jieħu interess fl-istorja ta’ rħula Maltin oħra. Kiteb għadd ta’ kotba dwar xi rħula Maltin u fihom daħhal tagħrif li kien jikseb minn tiftix li jkun għamel hu stess. Fosthom insibu: ‘Ħaż-Żabbar u l-Ġrajja tiegħu’ (1926), ‘Iż-Żejtun u Marsaxlokk’ (1927), ‘L-Istorja tal-Mosta bil-Knisja tagħha’ (1930), ‘L-Istorja ta’ Ħal Tarxien u ta’ Raħal Ġdid’ (1932) u ‘L-Istorja ta’ Birkirkara bil-Kolleġġjata tagħha’ (1934). Kien ta bidu wkoll għall-kitba tal-istorja tal-Imdina iżda ma laħaqx lestiha. E.B. Vella miet qasir il-għomor fit-2 ta’ Mejju 1946, fid-dar tiegħu, biswit il-Knisja tal-Mosta. Kien miżżewweġ lil Priscilla neè Tomlin u kellu tlett itfal, fosthom Reġinald li, bħalu, kien surmast tal-iskejjel tal-istat u awtur. Fost il-kitbiet li ħalla Reġinald insibu damma ta’ proża bil-Malti, li ġabar u ppubblika bejn is-snin 1953 u 1957 bl-isem ‘Ġabra ta’ Proża għat-Tfal.’ Kien iħobb ukoll il-mużika. Bħal missieru, miet qasir il-għomor fis-sena 1968. Wara l-mewt ta’ E.B. Vella, il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila, ddedikalu sunett, li fih jiddiskrevih bħala: ‘Malti Tassew! Malti fil-qalb, ħabbejtha – Lil din l-art ċkejkna fejn tneħidt tarbija’. ________________________________________________________ Riferenzi: 1. Caruana, V.B., ‘E.B. Vella, Sittin sena wara mewtu’, Soċjetà Piroteknika 15 t’Awwissu, Il-Mosta (2006) Ħajr lil Keith Cilia DeBono (neputi ta’ E.B. Vella ) għal din il-bijografija |