Dun Frans Camilleri

downloadDun Frans twieled il-Marsa fid-29 ta’ Jannar 1919 u studja fl-iskola tal-Gvern u fis-St Paul’s School. Kompla l-istudji tiegħu fis-Seminarju tal-Furjana u l-Università ta’ Malta fejn għamel il-Kors tat-Teoloġija. Ħa l-quddiesa fl-1943 u baqa’ jqaddes kuljum fil-Knisja ta’ Santu Nuzzu, il-Ħamrun, li tagħha kien Rettur għal ħafna snin. Għallem il-Malti fil-Kulleġġ San Alwiġi u s-Seminarju bejn is-snin 1944-1964.

Dun Frans kien attiv f’għadd ta’ għaqdiet letterarji, fosthom l-Għaqda ta’ Qari Tajjeb li tagħha kien segretarju u editur għal ħafna snin, u fl-Akkademja tal-Malti. Kien l-ewwel editur tar-rivista tal-Azzjoni KattolikaIl-Ħuġġieġa Lil Ħutna, ir-rivista maħsuba għall-emigranti Maltin. Inħatar Assistent Ekkleżjastiku tas-St Thomas Moore Circle u kien Direttur Spiritwali ta’ bosta għaqdiet.

Dun Frans kiteb mal-500 innu għal parroċċi, skejjel, għaqdiet reliġjużi u lajċi – innijiet ispirati mill-ħajja Maltija kemm reliġjuża, soċjali u edukattiva, imqanqla b’mod speċjali mill-imħabba u l-qima li kellu lejn il-Madonna u l-qaddisin. Il-poeżiji tiegħu dehru miġburin f’ Moħba ta’ Qalb (1945), Fil-Ġnejna tat-Tfulija(1948) – sensiela ta’ poeżiji għat-tfal – Innijiet (1948) u L-Għanja ta’ Ħajti (1964). Ippubblika wkoll Lejn id-Dawl (1950), ġabra ta’ esejs b’osservazzjonijiet fuq l-edukazzjoni, il-kultura, ir-reliġjon u l-ħajja soċjali.

Dun Frans kellu għal qalbu l-fotografija u kien magħruf għar-ritratti li jaqbdu l-ambjent lokali u l-pajsaġġ Malti. Ħafna minnhom dehru f’kartolini u kalendarji. Imma jibqa’ magħruf l-aktar bħala l-fotografu tal-Poeta Nazzjonali, b’mod partikulari għar-ritratt ta’ Dun Karm mal-kanarin. Tiegħu wkoll huwa l-film li issa ġie rrestawrat għal fuq DVD mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, id-dokumentarju bit-titlu Dun Karm – Il-Bniedem wara l-Poeta.

Bħala poeta mexa fuq il-passi ta’ Dun Karm, bis-sentiment reliġjuż jitwaħħad mal-patrija u fi kliemu stess “il-lingwa hija l-qalb u r-ruħ tan-nazzjon”. Ħafna mix-xogħlijiet tiegħu dehru fir-rivisti letterarji Il-Malti uLeħen il-Malti.

Dun Frans miet ta’ 71 sena fis-6 ta’ Diċembru 1990 u l-funeral tiegħu sar is-Sibt, 8 ta’ Diċembru, nhar il-Kunċizzjoni.

 

jpb2011

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.