Anton Cassar

Anton Cassar

Serjetà, professjonalità u integrità. Dawn kienu ftit mill-karatteristiċi sbieħ li bihom kien imżejjen il-ġurnalist veteran Anton Cassar li miet nhar it-30 ta’ Ġunju 2014 fl-għomor ta’ 90 sena.

Anton, ta’ nisel Għawdxi, twieled fit-18 ta’ Frar 1924 u trabba l-Marsa fejn baqa’ attiv sal-aħħar ta’ ħajtu f’bosta għaqdiet soċjali, reliġjużi u filantropiċi. Beda l-ewwel tagħlim tiegħu fl-iskola tal-Marsa u kompla jistudja s-Seminarju ta’ Għawdex u aktar tard fis-Seminarju ta’ Malta. Fl-1946 beda l-ewwel xogħol tiegħu bħala qarrej tal-provi ta’ Il-Berqa stampata mill-Allied Malta Newspapers Ltd u wara sitt xhur sar wieħed mill-edituri tagħha.

Anton Cassar kien wieħed mill-pijunieri tal-ġurnaliżmu Malti. Bħala editur letterarju ta’ Il-Berqa firex l-għarfien fuq dawk li fi żmienu kienu qed jikkultivaw ilsienna, bħal Anton Buttigieg, Prof. Ġużè Aquilina, Mons. Pietru Pawl Saydon, Erin Serracino Inglott, it-Tabib Ġużè Galea, Kelinu Vella Haber, Karmenu Vassallo u Ġorġ Pisani.

Huwa ngħaqad mal-Union Press u beda jaħdem fil-ġurnal It-Torċa fl-1960. Meta nħatar editur ta’ L-Orizzont mill-paġni tiegħu twieled il-Moviment Qawmien Letterarju u ta nifs ġdid lil-letteratura Maltija.

Anton Cassar kien imsieħeb f’għadd ta’ għaqdiet letterarji, u kien membru tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti kif ukoll tal-Akkademja tal-Malti. Dun Karm, f’ittra lil Anton fl-1946 kitiblu: “Nittama li inti tkun wieħed minn dawk iż-żgħażagħ imħeġġa li jħobbu lil Malta fl-iżvilupp tagħha morali, intellettwali u soċjali.” Kien bis-saħħa ta’ Anton li nġibed l-aħħar ritratt ta’ Dun Karm waqt li kien qed iħejji artiklu speċjali f’għeluq id-90 sena tal-Poeta Nazzjonali.

Meta Anton Cassar ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fl-1996 kitbu fuqu li “l-impenn tiegħu kemm bħala ġurnalista kif ukoll fil-qasam letterarju huwa xhieda tal-kontribut li ta lil-lingwa Maltija.” Fl-1999 ingħata l-Gold Award fil-Ġurnaliżmu bħala apprezzament għall-ħidma ġurnalistika tiegħu fejn ingħad li “kien strumentali fit-twaqqif tal-ġurnali ewlenin li ħallew impatt fuq ix-xena lokali, kif ukoll rawwem u ħejja żgħażagħ ġurnalisti stabbli.”

Anton Cassar huwa wkoll awtur ta’ bosta pubblikazzjonijiet, fosthom: L-Għanja taż-Żgħożija (1980), Ir-Russi jitkellmu bil-Fjuri (1984), Il-Gwerra Ċivili ta’ Spanja (1987),  Il-Compact (1991), Il-Ballata tal-Marsa (1993), Il-Konkordat (2004), Bejn iż-Żerniq u l-Għabex ta’ Ħajti (2008) u Ħajti Mhix Kollha Ward u Żahar (2009).