Anton Buttigieg

bio_antonbuttigiegANTON BUTTIGIEG twieled il-Qala, Għawdex fid-19 ta’ Frar, 1912. Tgħallem fl-iskola primarja tal-Gvern fil-Qala, fis-Seminarju ta’ Għawdex u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Birkirkara. Sa minn tfulitu kien jidher mogħni b’intelliġenza u kellu karattru aktarx umli, kien iħobb jgħin u jagħmel pjaċiri lil kulħadd.

Mill-ewwel iddistingwa ruħu fit-tagħlim speċjalment fl-Ilsien Taljan. Fil-fatt l-ewwel pubblikazzjoni tiegħu L’insegnamento dei Sepolcri ġiet imxandra fil-magażin tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi fl-1928. Sena wara, fl-1929 beda jippubblika l-poeżiji fil-Pronostku Malti u rebaħ is-sitt premju bil-poeżija “Sajf”.

Meta għadda mill-eżami tal-matrikola, wera x-xewqa lil ommu biex jidħol l-Università għax kellu f’moħħu li jsir avukat. Imma l-ġenituri tiegħu xtaquh li jistudja l-Università bil-kundizzjoni li jsir qassis. Għalkemm kontra qalbu, aċċetta li jibda l-kors għal qassis.

Bħala student fl-università, Anton kien attiv ħafna. Infatti kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda tal-Malti flimkien ma’ Ġużè Bonnici u Rużar Briffa. Ta’ min isemmi li fost dawn l-istudenti nsibu wkoll lil Sir Anthony Mamo li aktar tard kellu jinħatar l-ewwel President ta’ Malta. Fl-istess sena tat-twaqqif tal-Għaqda fl-1931, Anton Buttigieg kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Letterarja tal-Ingliż u sena wara waqqfu s-Società Universitaria di Letteratura Italiana.

Buttigieg ħass li ma kienx imsejjaħ għal qassis u ddeċieda li jitlaq mill-kors tas-saċerdozju u jkompli l-kors għal avukat. Laħaq nutar pubbliku fl-1939 u ħa l-lawrja ta’ avukat is-sena ta’ wara, fl-24 ta’ Ġunju 1940. Anton serva għal xi żmien bħala Fizzjal fil-Korp tal-Pulizija u kien stazzjonat fl-għassa tal-Ħamrun tul it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien ukoll ġurnalista tat-Times of Malta  (mal-Allied Malta Newspapers Limited) mill-1944 sa l-1948. Fl-1955 kien inħatar Aġent Maġistrat. Il-politika kienet bdiet tinteressah u fl-elezzjoni tas-sena 1955 ġie elett mal-Partit tal-Ħaddiema. Huwa baqa’ jikkontesta kull elezzjoni u baqa’ jirrappreżenta l-poplu fil-Parlament sas-sena 1976.

Wara l-mewt tal-ewwel mara tiegħu, Carmen Bezzina, li kienet ħallietu bi tlett itfal, Anton iżżewweġ lil Connie Scicluna iżda sfortunatament tilifha wkoll tliet snin wara f’’inċident tat-traffiku f’Londra. Anton aktar tard fl-1975 iżżewweġ lil Margery Helen. Sena wara t-tielet żwieġ tiegħu, Anton Buttigieg ingħata l-ogħla kariga tal-pajjiż meta sar it-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta.

Tul iż-żmien tiegħu bħala President, huwa dejjem saħaq dwar il-ħtieġa li l-poplu jibqa’ magħqud u jgħix fis-sliem. F’din l-ogħla kariga tal-istat, Buttigieg dejjem żamm għoli d-dinjità xierqa u fid-diskorsi tiegħu ma kienx jonqos li jdaħħal siltiet poetiċi li huwa tant kien iħobb.

Anton Buttigieg jibqa’ magħruf bħala l-Poeta tan-Natura. Ħafna mix-xogħlijiet li ppubblika nsibuhom f’dawn il-kotba: Mill-Gallerija ta’ Żgħożiti, Fanali bil-Lejl, Ejjew Nidħku Ftit, Ejjew Nidħku Ftit Ieħor, Qasba mar-Riħ, Il-Muża bil-Kimono, Fl-Arena u Ballati Maltin.

Anton Buttigieg miet nhar il-5 ta’ Mejju 1983. Ingħata funeral statali u jinsab midfun fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Nhar il-5 ta’ Mejju 1985 ġie inawgurat monument f’ġieħu fil-Blata l-Bajda.

J.P. Borg
13.03.02

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.