Anastasju Cuschieri

AnastasjuCuschieriPatri Anastasju M. Cuschieri twieled il-Belt, fil-Parroċċa ta’ San Duminku, fis-27 ta’ Jannar, 1876, u tlitt ijiem wara għammduh u tawh l-isem ta’ Pawlu. Għalkemm Oreste Tencajoli jgħid li jum twelidu kien il-21 ta’ Jannar, wisq naħsbu li jew ħa xi żball, jew, billi ried aktar jagħtina l-valur letterarju ta’ Cuschieri, ma tantx ħabbel rasu biex jikseb informazzjoni tajba fuq jum twelidu.

Meta temm l-iskola elementari u liċeali, Cuschieri ħaddan l-Ordni Karmelitan fil-25 ta’ April, 1891. Fit-28 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara għamel il-Professjoni Sempliċi; imbagħad bagħtuh Ruma biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università Gregorjana. Fl-1902 illawrja fil-Filosofija. F’dik l-istess sena, ta’ 25 sena, inħatar Professur tal-Filosofija fl-Università Rjali ta’ Malta u dam professur għal 38 sena, jiġifieri sas-sena 1939. F’dan il-qasam, jiġifieri bħala professur li minn taħt idejh kellhom jgħaddu ħafna żgħażagħ, Cuschieri kellu ċ-ċans juża d-doni kbar li tah Alla. Għad hawn min jiftakru waqt il-lezzjonijiet sbieħ tiegħu fl-Università. Id-dehen ta’ dal-poeta Karmelitan, imħallat mal-mod ħlejju li kien jgħallem bih, malajr mela l-qlub tal-istudenti tiegħu b’dik il-ġibda kbira li għadha miftakra sal-lum. Tagħlimu mhux talli ma baqax biss fi gżiritna, magħluq bejn l-erba’ ħitan tal-Università tagħna, iżda talli sab ruħu mitbugħ fir-Rivista di Filosofia Neo-Scolastica ta’ Milan.

Il-ħatra ta’ Cuschieri bħala Professur tal-Filosofija ma kinitx l-unika ħatra tiegħu: kien ukoll darbtejn Provinċjal tal-Ordni tiegħu, mis-26 ta’ Novembru 1906 sal-14 ta’ April 1910, u mill-1 ta’ Settembru 1913 sas-26 ta’ Ġunju 1916. Minbarra dan, intgħażel darbtejn bħala Senatur mal-Gvern Nazzjonalista biex jippreżenta l-gradwati Universitarji: darba fis-sena 1927 u darb’oħra fl-1932.

Fil-15 t’Awwissu 1959, ħakmitu marda qalila u bil-mod il-mod ħallietu paralitiku. Nhar is-17 ta’ Lulju 1962, tawh l-aħħar Sagramenti. Għall-ħabta tal-10:30am ta’ tmint ijiem wara – jiġifieri l-Erbgħa, il-25 tal-istess xahar – miet imdawwar minn ħafna patrijiet sħabu.

B’hekk intemmet ħajjet wieħed mill-egħref iben Malta! Iżda mhux bħala filosfu għaref, teologu studjuż, oratur kbir, storiku jew senatur. Malta tibqa’ tiftakru u tiftaħar bih l-aktar bħala Poeta Malti dehen ta’ ismu; bħala poeta li qeda l-missjoni li fdalu Alla, bħala l-akbar poeta Malti tal-Madonna u tal-Ilsien Malti.

Silta bijografika adattata mid-daħla ta’ A. Degabriele għall-ġabra ta’ poeżiji ta’ Patri Anastasju Cuschieri O.Carm.

Ara wkoll dan is-sit fl-okkażjoni t’għeluq il-50 sena minn mewtu.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.