Alfons M. Galea

SAMSUNG DIGITAL CAMERAALFONS MARIA GALEA twieled il-Belt Valletta fit-23 ta’ April 1861 u ħa l-ewwel tagħlim fid-dar tal-ġenituri tiegħu flimkien ma’ ħuh, li aktar tard sar Ġiżwita. Kien jgħallimhom il-kittieb magħruf Annibale Preca u wara li studjaw għal tmien snin għand il-Ġiżwiti ta’ Għawdex, attendew il-kulleġġ tal-Freres f’Marsilja.

Meta missieru irtira fl-1881, Alfons li issa kellu 19-il sena ħa f’idejh in-negozju tad-drappijiet. Is-Sur Fons iltaqa’ ma’ dik li kellha tkun martu f’okkażjoni ta’ karità max-xjuħ fl-Istitut ta’ Fra Diegu. Fl-1893 iżżewweġ lil Elizabeth Asphar u mar jgħix f’Tas-Sliema. Huma kellhom ħamest itfal. Il-familja Asphar (ta’ martu) kienet mill-Indja u kellha wkoll negozju tad-drappijiet u tal-ħaġar prezzjuż.

Galea qassam ħafna minn ġidu lill-istituti tal-karità. Huwa ta l-art biex jitwaqqaf  l-Istitut tas-Sależjani ta’ Don Bosco f’Tas-Sliema. Wara li ġie inawgurat il-bini fl-1904, l-Istitut serva bħala ċentru ta’ rikreazzjoni u biex jiġbor is-subien li kienu jgħixu hemmhekk. Fl-1908 fetaħ il-Juventutis Domus u l-Oratorju tas-subien għat-tagħlim tad-Duttrina. Imma Galea ħaseb ukoll għal ċentru fejn jitgħallmu l-bniet: fl-1939 waqqaf l-Istitut ta’ Santa Eliżabetta tas-Sorijiet Franġiskani f’Tas-Sliema. Ta donazzjonijiet ukoll lill-Isptar tal-Blue Sisters u pprovda l-għajnuna finanzjarja meħtieġa lill-Kunvent tal-Bon Pastur, f’Ħal Balzan.Galea ta sehmu wkoll fil-missjoni. Meta fl-1896 inħatar bħala Teżorier fil-Kumitat tal-Missjoni ntebaħ li biex in-nies jikkontribwixxu jridu jkunu konxji tal-faqar li hawn fid-dinja u dan wasslu biex jibda jippubblika l-Annali tal-Propagazzjoni tal-Fidi li kien joħroġ darba fix-xahar.

Alfons Maria Galea nħatar Senatur u serva fis-snin 1921-27. Għal bosta snin kien il-President tal-Anglo-Maltese Bank u aktar tard fl-1915 laħaq it-Teżorier tal-Kurja tal-Isqof. Illum Alfons Maria Galea huwa magħruf l-aktar għall-pubblikazzjonijiet tiegħu bil-Malti li kellhom l-għan li jedukaw u jgħallmu lill-poplu bla skola, b’mod speċjali lill-fqar.

 
Alfons Maria Galea f’ritratt tal-1910  (Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien – Nru 100)

Annibale Preca - Dic Xorti!Bis-saħħa ta’ Annibale Preca, Galea beda jikteb bil-Malti u l-ewwel xogħol tiegħu kien it-traduzzjoni ta’ stejjer qosra mit-Taljan. Fil-fatt ix-xewqa kbira tiegħu kienet li jirtira min-negozju u l-kummerċ u jiddedika ħajtu għall-kitba.

F’Settembru tal-1899 beda joħroġ Il-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien li saru popolari ħafna tant li baqa’ jippubblikahom sal-1915, san-numru 150. F’din is-sensiela tal-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien insibu r-raba’ edizzjoni tar-rumanzett popolariĠenoveffa ta’ Dun Amabile Sisner, il-Kappillan li dam imexxi l-Parroċċa ta’ Ħal Balzan għal sebgħa u għoxrin sena sħaħ. Fl-1900 Sisner ħareġ Il-ħajja ta’ San Franġisk Saverju – Appostlu tal-Indja u ddedikah lis-Sur Fons, li dak iż-żmien kien it-teżorier tal-opra missjunarja “Propoganda Fide”. Fl-1904 Sisner ippubblika ktieb ieħor fis-sensiela tal-Mogħdija taż-ŻmienMit-Tieġ Għall-Martirju (għadd 32) u  s-sena ta’ waraVjoli u Ġiżimin (għadd 49). F’għadd numru 60 insibu l-itwal poeżija ta’ Dun Amabile Sisner, Lill- Ħanina Omm Alla Consolatrix Afflictorum.

Is-Sur Fons issokta jippubblika x-xogħlijiet tiegħu għal ħdax-il sena, il-biċċa l-kbira minnhom bijografiji ta’ persuni li għexu ħajja qaddisa. Huwa ttraduċa wkoll uħud mill-Kotba Mqaddsa mil-Latin għall-Malti, fosthom Ktieb il-Qwiel, Is-Salmi, L-għanja tal-Għanjiet, Ġob, Iżaija, Il-Kotba tas-Slaten u Il-Kotba tal-Makkabin, hekk li f’medda ta’ sitt snin bejn l-1926 u l-1932, flimkien ma’ Dun P.P. Magri u Dun P.P. Saydon ġiet tradotta l-Bibbja kollha bil-Malti. Meta ħareġ l-aħħar ktieb, Il-Ktieb ta’ Baruk, is-Sur Fons kiteb b’sodisfazzjon:  “F’ħajjet Alla issa għandkom il-Kotba kollha tal-Bibbja bil-Malti… minnkom jonqos jekk ma taqrawhomx; il-kelma tagħhom hi l-kelma ta’ Alla, u mhux le tal-bnedmin li kitbuhom.”

Alfons Maria Galea miet nhar it-30 ta’ Lulju 1941 fil-Kunvent tal-Bon Pastur fl-età ta’ tmenin sena.

Joseph C. Camilleri
Traduzzjoni ta’ Joseph P. Borg


BIBLIJOGRAFIJA
  
Carmel Bezzina, Dun Amabile Sisner, Ħal Balzan Mejju/Ġunju 1973: pp. 2-3
Louis Grasso, Alfons Maria Galea, bijografija (1992)
Amabile Mamo, Is-Sur Fons Maria Galea (1945)
Dun Karm Sant, Ix-Xogħol ta’ Mons. P.P. Saydon fl-Istorja tat-Traduzzjonijiet bil-Malti tal-Bibbja (1982)
Michael J. Schiavone u Louis J. Scerri, Maltese Biographies of the Twentieth Century, PIN (1997)

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.