Nhar il-Ħamis, 21 ta’ Novembru 2024 l-Akkademja tal-Malti fakkret lill-Prof. Oliver Friggieri fir-raba’ anniversarju minn mewtu b’serata mużiko-letterarja taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Matul il-kommemorazzjoni nqraw numru sabiħ ta’ poeżiji ta’ Oliver Friggieri minn Mario u Nathalie Micallef u Marceline Galea flimkien ma’ interventi mużikali minn Vince Fabri u Diane Micallef.
Il-President ta’ Malta sellmet lid-diversi personaġġi li “partikularment tul dawn l-aħħar sebgħin sena poġġew ilsienna fuq sisien sodi u ftit ftit b’ħidmiethom żviluppawh, għamluh tanġibbli, wessgħuh u għanewh,” waqt li aċċennat li minn fosthom Oliver Friggieri jispikka u qiegħed fil-quċċata.
Matul is-serata tnediet il-ħarġa speċjali ta’ Il-Malti XCVI (2023): pubblikazzjoni li tiġbor fiha l-atti tal-konferenza preżentati fil-Kunvent tal-Karmelitani fl-Imdina, organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Istitut Karmelitan fil-5 ta’ Marzu 2022 bit-tema ‘Aħna Ġejna mill-Ġenna – l-ispiritwalità fil-ħajja u l-kitba ta’ Oliver Friggieri’.
Rev. Dr Jonathan Farrugia għamel diskors bit-titlu “Il-ħajja, il-kunflitt, il-fidi u n-nazzjon: l-uċuħ tal-mixja ta’ fidi ta’ Oliver Friggieri.”
Fi tmiem is-serata, Dr George Farrugia, il-President tal-Akkademja, ippreżenta kopja tal-ħarġa speċjali ta’ Il-Malti lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono. Fl-24 ta’ Novembru 2024 fl-aħbarijiet tat-8.00 pm fuq tvm ixxandar servizz b’filmat dwar din is-serata kommemorattiva.
