Franġisk Saver Caruana kien fost madwar għoxrin kontributur li kien jikteb ittri ta’ xejra letterarja fil-ġurnal Il-Ħabib sa mill-1911. F’waħda minn dawn l-ittri fil-21 ta’ Settembru 1920, għamel sejħa biex titwaqqaf għaqda li tħares l-ortografija tal-Malti. Fl-istess waqt beda jħeġġeġ għadd ta’ kittieba tal-Malti sabiex jingħaqdu flimkien. Din is-sejħa kellha rispons pożittiv, tant li fl-14 ta’ Novembru 1920 sitta u tletin kittieb iltaqgħu fl-Unione Cattolica San Giuseppe, il-Belt Valletta, u waqqfu x-Xirka Filoloġika Letterarja b’dawn l-għanijiet:
1. li ssawwar alfabett Malti fuq sisien xjentifiċi;
2. li tiġbor il-kittieba fi ħdanha; u
3. li tnissel letteratura.
2. li tiġbor il-kittieba fi ħdanha; u
3. li tnissel letteratura.
Għal din l-ewwel laqgħa kien hemm bosta kittieba oħrajn li ma setgħux jattendu imma li wrew is-sodisfazzjon tagħhom għat-twaqqif tal-Għaqda. Il-ħtieġa ta’ ortografija Maltija waħda kienet qiegħda tinħass sew, għalhekk l-Għaqda bdiet mill-ewwel il-ħidma tagħha bil-ħatra tal-kummissjoni‘ Tagħrif fuq il-Kitba Maltija’. Din kienet iffurmata minn Ġużè Muscat Azzopardi, Pawlu F. Bellanti, Mons. Pawl Galea, Ninu Cremona u Dun Karm Psailagħal Malta, u Ġanni Vassallo, l-Avukat Ġużè Micallef u Mons. Pawlu Cauchi għal Għawdex. Wara li fis-26 ta’ Diċembru 1920 saret laqgħa mal-istampaturi,il-kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Alfabett u ta’ Grammatika. L-alfabett, li tressaq għall-approvazzjoni tal-kittieba f’laqgħa li saret nhar it-18 ta’ Diċembru 1921, kien fonetiku u kompost minn 29 ittra. Imbagħad il-kummissjoni baqgħet taħdem fuq ir-regoli tal-kitba.
Matul il-Laqgħa Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 1922 l-Għaqda kienet kostitwita skont statut, fejn l-isem uffiċjali sar Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Wara li laħqet l-għan lingwistiku, bdiet tħejji biex jintlaħaq ukoll l-għan letterarju. Għalhekk fl-1 ta’ Novembru 1924 ħatret kummissjoni oħra magħmula minn Franġisku Saver Caruana, Ġużè Darmanin Demajo, Ġużè Micallef u Vinċenz Mifsud Bonnici, sabiex tħejji proġett għall-ħruġ ta’ rivista letterarja. Fil-21 ta’ Diċembru 1924 il-kummissjoni ressqet is-sottomissjonijiet tagħha għall-pubblikazzjoni, li aktar tard ingħatat l-isem Il-Malti. |
|