It-tmexxija u s-sħubija

Fl-ewwel sentejn l-Għaqda kienet titmexxa minn Ġużè Muscat Azzopardi bħala president u minn Franġisk Saver Caruana bħala segretarju, imma kien għad m’għandhiex statut u kumitat. Meta nħatar l-ewwel kumitat fil-Laqgħa Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 1922, Muscat Azzopardi u Caruana żammew il-karigi tagħhom. Fil-karigi l-oħrajn inħatru l-Prof. Temi Zammit bħala President Onorarju, Mons. Pawlu Galea bħala Viċi President, Arturo Mifsud bħala Kaxxier, u Dun Karm Psaila, Ninu Cremona, Ġużè Darmanin Demajo, Rogantin Cachia, Ġużè Micallef, Ġużè Micallef Goggi u Vinċenz Mifsud Bonnici bħala membri. Dakinhar ġie approvat l-ewwel statut, fejn l-għanijiet ġew imfissra bħala:

1. Il-kittieba jimxu fuq l-istess alfabett, ortografija u regoli grammatikali.
2. Il-ħarsien tad-drittijiet tal-ilsien Malti fil-ħajja Maltija.
3. It-tixrid ta’ kitba u kotba li jinkitbu b’Malti tajjeb u li ma jagħmlux ħsara lir-Reliġjon Kattolika.

L-ewwel statut jindika li biex wieħed jissieħeb fl-Għaqda kien jeħtieġlu jagħmel talba bil-miktub, u li jkun propost u sekondat minn tnejn mill-imseħbin. Fil-laqgħa tal-kumitat tat-18 ta’ Diċembru 1927 u fil-laqgħa tal-imseħbin tal-15 ta’ Jannar 1928 ġie approvat statut ġdid, fejn l-Għaqda ħadet ir-rwol ta’ akkademja tal-ilsien Malti. Dan l-istatut kien jispeċifika li s-sħubija tkun miftuħa għal akkademiċi (kittieba tal-Malti magħrufa), extrakkademiċi (kittieba oħrajn), u Onorarji jew korrispondenti (persuni Maltin u barranin li jistgħu b’xi mod jgħinu lill-Għaqda).

Kull sentejn jiġi elett kumitat ġdid iffurmat minn ħdax-il persuna. Kariga interessanti li l-Akkademja ġieli jkollha hija dik ta’ arkivista, li jieħu ħsieb jiġbor tagħrif dwar il-ħajja letterarja tal-membri u dwar l-Għaqda. Peress li l-ħidma tagħha hija ffukata ħafna fuq ortografija korretta, taħtar ‘Kummissjoni Lingwa’ komposta minn ħames membri akkademiċi, sabiex minn żmien għal ieħor tagħmel l-aġġornamenti meħtieġa għall-kitba tajba u uniformi bil-Malti. L-Akkademja taħdem ukoll sabiex iġġib ’il quddiem l-istudju tal-letteratura Maltija.

Minbarra l-Unione Cattolica San Giuseppe, il-Belt, matul is-snin il-kumitat tal-Akkademja tal-Malti ltaqa’ f’lokalitajiet differenti. Fi żmien il-gwerra l-Gvern kien iħallihom jiltaqgħu fl-Uffiċċju Sanitarju tal-Furjana u fl-uffiċċju tal-Mużew, il-Belt, fejn illum hemm il-Posta. Kienu jiltaqgħu ukoll għand il-Partijiet Konventwali tar-Rabat, f’post ipprovdut mill-Patrijiet Ġiżwiti ħdejn Sarria, il-Furjana, u fid-Dar ta’ San Ġużepp, il-Ħamrun. Ġieli sar użu wkoll mill-uffiċċju li Ivo Muscat Azzopardi kellu l-Belt. Fl-1950 il-laqgħat tal-kumitat u l-laqgħat akkademiċi bdew isiru f’dar b’żewġ kmamar fi Triq l-Iskoċċiżi, il-Belt, li l-kera tagħha kienet imħallsa minn Ugo Muscat Azzopardi. Peress li miet wara ftit snin, għadd ta’ membri akkademiċi bdew jerfgħu l-piż finanzjarju huma.

Fl-1961 il-kwartieri l-ġodda tal-Għaqda bdew jikkonsistu f’żewġt ikmamar żgħar f’Palazzo Carafa, Triq l-Ifran, il-Belt, li l-kera tagħhom bdiet tkun imħallsa wkoll mill-membri akkademiċi. Sal-lum dan baqa’ l-indirizz uffiċjali, għalkemm fl-1996 saru sforzi sabiex l-Akkademja jkollha d-dar tagħha. Dwar dan, il-kumitat kellu laqgħat mal-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, l-E.T. l-Avukat Ugo Mifsud Bonnici, kif ukoll mal-Prim Ministru Dr Alfred Sant bit-tama li l-Akkademja tal-Malti jkollha residenza uffiċjali minn fejn tista’ tmexxi l-ħidma tagħha aħjar. Mal-ħatra ta’ Ġużè Galea bħala President fl-1942, intgħażel San Luqa bħala l-Patrun tal-Għaqda. Fil-Laqgħa Ġenerali li saret fil-15 ta’ Diċembru 1963 ġie deċiż li l-Għaqda tibda tissejjaħ l-Akkademja tal-Malti. Fl-1971 Galea kellu l-unur li, bħala President tal-Akkademja, jippreżenta teżi dwar l-oriġini tal-ilsien Malti quddiem il-Konferenza tal-Ilsna tal-Commonwealth f’Kingston il-Ġamajka.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.