2023 – Charles Casha


Agħfas HAWN biex tara s-serata.

CHARLES CASHA huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għas-sena 2023. L-investitura saret f’Jum l-Akkademja tal-Malti taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu George Vella, il-President ta’ Malta, waqt serata fil-Palazz ta’ Sant’Anton fl-14 ta’ Novembru 2023. Fost il-mistednin distinti kien hemm il-Kunsill u l-imsieħba tal-Akkademja tal-Malti kif ukoll qraba, ħbieb, awturi u pubblikaturi tas-Sur Casha.

Din l-onorifiċenza tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu b’ħidma tul ħajtu kollha għall-Ilsien Malti u għal-letteratura Maltija.

Aktar minn 60 ktieb ħarġu mill-pinna ta’ Charles Casha. Fost il-pubblikazzjonijiet tiegħu hemm kotba ta’ tagħlim għat-tfal; poeżiji, stejjer u rumanzi għat-tfal; rumanzi u drammi għaż-żgħażagħ; poeżiji, novelli u rumanzi għall-adulti, traduzzjonijiet u l-awtobijografija Jien ukoll għandi storja xi ngħid. Bla dubju ta’ xejn, l-aktar karattru maħbub huwa dak ta’ Fra Mudest, li huwa ħoloq fl-1967. Il-Professur Oliver Friggieri jqis lil dan il-karattru “suċċessur modern ta’ karattru klassiku, bħal Ġaħan, imma li hu wisq aktar kumpless u paradossali minn Ġaħan.” Casha kien ukoll wieħed mill-pijunieri tal-kitba għat-tfal meta fil-bidu tas-sebgħinijiet din bdiet tieħu xejra ġdida biex jimtela l-vojt li kien jinħass f’dan il-qasam.

Fid-diskors tiegħu, il-President ta’ Malta fisser li bħalma s-Sur Casha sawwar il-karattri tal-kitbiet tiegħu mir-realtà li ltaqa’ magħha ta’ kuljum, “ma rridux ninsew kemm sawwar karattri ta’ studenti f’valuri li ma jinbidlux mal-moda jew maż-żmien. Dan ġara għax għas-Sur Casha, kif għandu jkun, li timxi maż-żminijiet ma jfissirx li tkisser il-valuri tajbin u fundamentali.”

Dr George Farrugia, il-President tal-Akkademja tal-Malti, fid-diskors tiegħu ġabar fil-qosor l-istorja tal-Midalja tad-Deheb li fil-bidu kienet tingħata bħala ‘Premju Ġużè Muscat Azzopardi’. Matul il-programm ħadu sehem Joe Borg, Rita Saliba u Kristjana Casha li qraw proża u poeżiji ta’ Charles Casha. Mario Debono, akkumpanjat minn Paul Busuttil Delbridge kantaw kanzunetti tal-istess awtur mal-kordi tal-kitarri. Il-programm kien jinkludi wkoll intervista ta’ Dr Sergio Grech lil Charles Casha.

Din kienet is-seba’ Midalja tad-Deheb li ngħatat. L-ewwel waħda ngħatat lill-mibki Professur Oliver Friggieri fl-2016. Matul is-snin ta’ wara ngħatat lill-Mons. Lawrenz Cachia, Trevor Żahra, Victor Fenech, Lina Brockdorff, Prof. Manwel Mifsud u Prof. Albert Borg.


Carmel Casha (magħruf bħala Charles Casha) twieled il-Marsa fil-21 ta’ Settembru 1943. Trabba fl-ambjent ta’ wara t-Tieni Gwerra meta t-toroq fl-irħula kienu meħlusa mit-traffiku u t-triq kienet id-dinja ċkejkna ta’ dawk li kienu joqogħdu fiha.

Bejn l-1963 u l-1965 għamel it-taħriġ tiegħu għal għalliem fis-St. Michael’s College of Education u rtira mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni fl-2004.

Fl-1982 huwa ngħata ċertifikat fil-Basic Library Techniques u fl-1985 kiseb Diploma in Maltese Studies mill-Università ta’ Malta.

Minn dejjem kien jinteressa ruħu fil-kitba u l-Għaqdiet tal-Malti. Kien membru tal-Moviment Qawmien Letterarju, L-Għaqda Letterarja Maltija, Grupp Awturi u Għaqda Kittieba Żgħażagħ. Għal disa’ snin kien membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Membru fil-Kunsill tal-Akkademja u membru fl-Għaqda tal-Malti Università.

Kien ukoll membru tal-Youth Travel Circle u l-Korp ta’ Servizz Volontarju. Ħa sehem f’żewġ proġetti li dan il-Korp kien organizza fil-Calabria. Kien ukoll Segretarju Ġenerali u wara Chairman tal-Malta Youth Consultative Council.

L-ewwel pubblikazzjoni tiegħu kienet ir-rumanz L-Għalqa fuq L-Għolja fl-1968 u fl-1971 huwa ppubblika Fra Mudest li kienet ukoll l-ewwel pubblikazzoni tal-Merlin Library Publishers.

Il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu:

  • Kotba ta’ Tagħlim għat-tfal
  • Stejjer Qosra għat-Tfal
  • Rumanzi għat-Tfal
  • Poeżiji għat-tfal
  • Rumanzi għaż-żgħażagħ
  • Drammi għaż-żgħażagħ
  • Stejjer Qosra għal Kulħadd
  • Stejjer Qosra għall-Adulti
  • Rumanzi għall-Adulti
  • Poeżiji
  • L-awtobijografija
  • Traduzzjonijiet u Addattamenti

Xi kotba minn tiegħu rebħu l-ewwel jew it-tieni Premju fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u Rumanzi għaż-Żgħażagħ.

Il-karattru Fra Mudest li Casha ħoloq fl-1967 kiseb suċċess kbir u nistgħu ngħidu li sar leġġendarju fil-letteratura għat-tfal. Casha kien ukoll wieħed mill-pijunieri tal-kitba għat-tfal meta fil-bidu tas-sebgħinijiet din bdiet tieħu xejra ġdida biex jimtela l-vojt li kien jinħass f’dan il-qasam. Il-Professur Oliver Friggieri iqis lil dan il-karattru “suċċessor modern ta’ karattru klassiku, bħal Ġaħan, imma li hu wisq aktar kumpless u paraddossali minn Ġaħan.”

Fl-2007 huwa ngħata Ġieħ il-Marsa u fl-2013 Ġieħ Ħaż-Żabbar mill-Kunsilli Lokali rispettivi. Fl-2012 huwa ngħata l-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika b’rinonoxximent għas-sehem tiegħu lil-letteratura Maltija u l-Ilsien Malti. L-Akkademja tal-Malti onoratu bil-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ fl-14 ta’ Novembru 2023.

F’Ottubru tal-2012 Casha ħa sehem fil-Festival tal-Letteratura, Tanpinar (ITEF – Istanbul Tanpinar Literature Festival) li sar fit-Turkija. Hemmhekk kellu laqgħat mal-istudenti f’waħda mill-iskejjel Istek f’Istanbul. Wara l-festival, storja mill-ktieb tiegħu Vapuri tal-Karti, Il-Fjura tat-Tliet Ilwien, inqalbet għat-Tork u dehret fl-antoloġija Şehir ve Korku. L-istess storja dehret fil-verżjoni bl-Ingliż tal-istess antoloġija, City and Fear.

Ir-rumanz tiegħu L-Appartament fir-Raba’ Sular inqaleb għall-Ingliż minn Joan Mallia, taħt l-isem Papers in a Tin Box (Midsea Books) u għall-Albaniż minn Anita Trifoni taħt l-isem Apartamenti në katin e katërt (Ombra GVG).

Għażla min-novelli tiegħu nqalbu għall-Ingliż minn Martin Bugelli u kienu ppubblikati fil-ktieb The Swans at St. Ives and other stories.

Dawn jinsabu għall-bejgħ fuq Amazon Kindle. Kotba minn tiegħu jinsabu fil-Librerija Nazzjonali ta’ Pariġi.

Il-kitba għat-tfal għalih tfisser dinja oħra fejn jista’ jimraħ bla xkiel fil-fantasija u l-avventura. Il-kitba għaż-żgħażagħ u l-adulti tqarrbu ħafna lejn ir-realtà tal-ħajja u fiha jerġa’ jgħix l-esperjenzi tiegħu u ta’ oħrajn.

Il-qofol tal-kitba tiegħu huma l-karattri li joħloq u jsawwar mhux biss minn dak li jara u josserva madwaru iżda wkoll bis-saħħa tal-immaġinazzjoni.

Wieħed jista’ jgħid li f’kull novella  jew rumanz li kiteb, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, il-karattri dejjem kienu l-punto di partenza għall-bini tal-plott. Dawn il-karattri donnhom li jieħdu f’idejhom il-ġrajja, joħolqu sitwazzjonijiet ġodda u jfasslu l-plott aħħari li ħafna drabi jara ħafna tibdil sakemm jintemm  ix-xogħol fuq il-ktieb.

Fil-kitba tiegħu Casha jħobb ikun konċiż, dirett u b’lingwaġġ kurrenti. Iħobb jikkomunika mal-qarrejja u jrid li l-karattri fil-kitbiet tiegħu jkunu reali. Casha jesplora sitwazzjonijiet u karattri meħudin mid-dinja ta’ żmienna. Fil-kitba tiegħu nsibu għadd ta’ personaggi differenti li jsawru dinja mlewna u mżewqa li fiha Casha dejjem jirnexxilu jixhet il-karatteristika ewlenija tiegħu: ta’ awtur li jżewweġ il-ġrajja u l-kummenti. Huwa jikteb b’rispett, kważi bi mħabba, lejn il-karattri tiegħu, u jpingi l-kuntest bid-devozzjoni ta’ ritrattista (Oliver Friggieri).

Fejn għandha x’taqsam il-poeżija, Charles Casha jagħti interpretazzjoni lill-kreazzjoni tad-dinja tiegħu billi jħaddem kemm il-metrika tradizzjonali kif ukoll dik moderna. il-poeżija ta’ Casha hija mużika li tpaxxi s-sens tas-smigħ, li l-moħħ jirreġistraha u jinterpretaha (Andrew Sciberras).

Casha jħobb josserva n-nies ta’ madwaru sal-iċken dettal fl-imġiba tagħhom u jfittex xi ħaġa li tolqtu. Din tista’ tkun pożittiva  jew negattiva. Hija din il-ħażna li juża meta jiġi biex ifassal xi karattru ġdid  għall-kitbiet tiegħu.

Bħal kull awtur ieħor, l-esperjenzi tiegħi għandhom effett kbir fuq il-kitba tiegħu b’mod speċjali fejn għandhom x’jaqsmu r-rumanzi, l-istejjer qosra għall-adulti u l-poeżiji.

Rari ħafna li jibda jikteb direttament fuq il-kompjuter u l-ewwel kitbiet jafu l-bidu tagħhom  fuq il-paġni ta’ djarji li qatt ma juża għall-iskop li għalih ġew stampati. Isibhom komdi għax jista’ jġorrhom miegħu  kull fejn  imur u dan il-fatt jagħtih l-opportunità li jikteb meta  jkun  xi mkien  qed jistenna jew xi mkien  ieħor barra mid-dar.

Fuq dawn il-paġni jħażżeż xi ideat, ifassal karattri, jagħmel noti ta’ xi ħaġa li tolqtu u jikteb ukoll stejjer jew kapitli minn xi rumanz. Meta jasal il-waqt jibda jikteb fuq il-kompjuter u hawnhekk isir tibdil, kultant sostanzjali, minn dak li jkun kiteb  oriġinarjament. Huwa jistqarr li dan jieħu gost jagħmlu għax jemmen li l-istorja jew rumanz huma ħajjin u jinbidlu bħalma jinbidel il-bniedem. Huwa f’dan l-istadju wkoll li l-karattri jibdew jieħdu f’idejhom u jmexxu l-ġrajja.

Meta jlesti l-ewwel abbozz fuq il-kompjuter, jinsieh għal ftit taż-żmien u jmur fuq xi ħaġa oħra. Aktar tard jerġa’ jarah u jbiddel sakemm fl-aħħar jasal biex jikkuntenta bil-verżjoni li jkun se jgħaddi lill-pubblikatur. Ma jħobbx jaħdem fuq ħaġa waħda imma jippreferi li fl-istess żmien ikun qed jikteb xi ktieb jew tnejn … u ġieli  xi ħaġa oħra wkoll. Dan jagħtih lok li jaqleb minn ħaġa għal oħra u b’hekk iħossu aktar frisk. Ħafna mill-kitbiet tiegħu, rumanzi, poeżiji u novelli jafu l-bidu tagħhom waqt xi mixja, kif kien dieħel biex jorqod fil-għaxijiet, meta kien qed jitkellem ma’ xi ħadd, waqt xi  ċerimonja jew okkażjoni fejn tilef l-interess f’dak li kien għaddej,  waqt xi laqgħa, minn xi sentenza jew frażi li ltaqa’ magħha f’xi ktieb li kien qed jaqra  jew meta kien ħdejn il-baħar l-aktar fix-xhur tas-sajf.

Ħaġa li forsi  tidher  stramba hija li meta jiġi biex jagħżel  xi  isem għall-ktieb isibha xi ftit diffiċli u jdum ħafna biex jiddeċiedi.

Waqt waħda mill-ħafna intervisti li kellu, xi ħadd kien staqsieh jekk qabel ma jressaq xi ktieb għand il-pubblikatur, jgħaddihx lil xi ħadd biex jaqrah u jagħtih l-opinjoni tiegħu. Kien wieġeb hekk:

“Din hija xi ħaġa li għalkemm għandha l-importanza  tagħha,  jien  ma tantx inħobb nagħmilha għax nibża’ li min  jaqra dak  li nkun  ktibt,  jasal  biex mingħajr ma  jrid, jagħmlu tiegħu u jbiddel biex donnu joħloq ieħor  ġdid. Madankollu ġieli għaddejt xi xogħol lill-membri tal-familja jew xi ħbieb li fihom għandi fiduċja kbira.”

Casha jemmen li l-kitba m’għandhiex tkun imxekkla minn irbit soċjali, reliġjuż jew politiku. Imma jemmen ukoll li hemm valuri li ma jinbidlux mal-moda jew maż-żmien. Għal Casha li timxi maż-żminijiet ma jfissirx li tkisser valuri tajbin u fundamentali.

Huwa jemmen bis-sħiħ li l-Ilsien Malti għandu jingħata l-post u r-rispett li jixraqlu bħala l-Ilsien Nazzjonali.

Fl-2020, il-Professur Charles Briffa, ippubblika studju analitiku dwar ix-xogħlijiet letterarji ta’ Casha (Klabb Kotba Maltin) taħt l-isem Ruħu Dejjem Tfittex.

Għal aktar tagħrif:  www.chcasha.com