Ħarġa Akkademika LXXVII (2005) minn Bernard Micallef

maltiakkcoverIL-WERREJ

L-Editorjal

Bernard Micallef

 

Il-Pożizzjoni tal-Malti f’Malta

Albert Borg u Manwel Mifsud

 

Il-Malti fil-Ġurnaliżmu Miktub u Mitkellem

Charles Briffa

 

Stedina ta’ Vassalli: Studju Kritiku u Komparattiv

Olvin Vella

 

Id-Diskursività tal-Ħrafa Maltija u “Ix-Xebba tal-Ħabqa” (ATU 879)

Ġorġ Mifsud-Chircop

 

Noti Bijografiċi fuq il-Kanonku Fortunato Panzavecchia u Rakkont Tiegħu bil-Malti

David Agius Muscat

 

L-Imitazzjoni, in-Nazzjonaliżmu u l-Ħolqien tat-Teatru Malti

Marco Galea

 

In-Narrattiva ta’ Ġużè Bonnici

Oliver Friggieri

 

Mill-Impenn għall-Menefregiżmu: L-Evoluzzjoni tal-Protagonist Letterarju Malti

Mario Cassar

 

L-Ekokritika: Libsa Universali lill-Poeżija Maltija

Ann Marie Scerri

 

It-Tifsira tal-Ħarruba fi “Quo Vadis?”: Tinstab jew Tevolvi?

Bernard Micallef

 

L-EDITORJAL

Ir-rivista Il-Malti tista’ tixxiebah ma’ rendezvous, post miftiehem li fih studjuż wieħed jiltaqa’ ma’ ieħor, daqskemm il-passat jiġi f’inkontru mal-preżent.  B’firxa ta’ studji marbutin ma’ xi qasam jew ieħor ta’ lsienna, ir-rivista Il-Malti mhux biss tqarreb lejn xulxin studjużi speċjalizzati fil-Malti, iżda sservi wkoll ta’ medjazzjoni bejn elementi tradizzjonali tal-Malti u l-ilħna l-ġodda li qegħdin iġeddu l-validità tagħhom

L-inkontru bejn epoki differenti tal-Malti mhux daqstant evidenti, għax il-passat irid jissellef il-vuċi tagħna fil-preżent biex jitħaddet.  It-tradizzjoni tal-Malti, fil-fatt, mhix il-passat, iżda dak kollu li diġà ngħad miftakar permezz ta’ leħen preżenti li għadu qed jgħid aktar dwaru.  Minkejja li d-dokumenti ta’ l-imgħoddi diġà interpretaw il-materja li se nitkellmu fuqha, dawn id-dokumenti għandhom biss il-vuċi tagħna biex jesprimu ruħhom mill-ġdid, f’kuntest modern u b’metodoloġija aġġornata.

Ir-rivista Il-Malti għandha turi wkoll li l-konfini ta’ suġġett akkademiku ma humiex fissi.  Suġġett akkademiku jkompli jestendi ruħu sakemm ikompli jinbena – bħala dixxiplina ħajja – bejn id-diversi ilħna li qed jispeċjalizzaw fih.  Din ir-rivista tipprovdi l-faċilità li l-istudju ta’ lsienna jestendi ruħu bħala riżultat kontinwu ta’ sforz kollettiv, fi ħdan komunità akkademika li tiġġustifika l-eżistenza tagħha b’avvanz serju fis-suġġett li jinteressaha.  Komunità akkademika ma tinżammx ħajja b’karattru prestiġjuż biss, jew b’okkażjonijiet ċeremonjali.  Aktar tinżamm ħajja bi progress konkret fil-metodoloġija tagħha, u b’żieda ta’ perspettivi kolti li jestendu l-materja studjata.  Ir-rivista Il-Malti għandha tkun xhieda ewlenija ta’ dan l-avvanz akkademiku, billi tkun il-wirja tal-proċess ta’ maturazzjoni li minnu għaddej il-Malti.  L-għaxar xogħlijiet li qed jidhru f’din il-ħarġa juru, sa ċertu punt jew ieħor, li l-istudju tal-Malti bl-ebda mod ma hu eżawrit, iżda hu materja li kontinwament tissorpassa l-limiti tagħha stess b’ħarsa dejjem aktar irfinuta lejn il-fatturi li jiddeterminawha, kif ukoll b’osservazzjonijiet supplimentari li jinbtu biss bħala żieda ma’ argumenti aktar bikrin.

Madanakollu, l-istudju tal-Malti għandu jestendi ruħu b’dik l-ispeċjalizzazzjoni li tiddistingwi studju awtorevoli minn kitba dilettanteska.  Biex ir-rivista Il-Malti ssir, bilmod il-mod, rivista ta’ xogħlijiet aktar awtorevoli, trid minn issa tibda tibni kriterji akkademiċi li jkunu rrispettati.  Kriterju eżemplari hu l-ħtieġa li l-istudjuż ikun qatta’ ħafna żmien josserva l-fatturi li jolqtu l-qasam tiegħu qabel jesprimi ruħu.  Prinċipju bħal dan jintlaħaq biss minn min jiddedika ħajtu għal qasam partikulari tal-Malti, u mhux minn kittieb li jsegwi linja akkademika għal ftit żmien, biex imbagħad jitlaqha għal interess ġdid f’xi aspett lingwistiku jew letterarju ieħor.

Il-pjanifikazzjoni għaqlija tal-pożizzjoni tal-Malti f’pajjiż żgħir u bilingwi, ittrattata mil-lingwisti Albert Borg u Manwel Mifsud f’diskors li kien sar fl-1992, tagħti eżempju ċar ta’ speċjalizzazzjoni lingwistika li tqis ħafna fatturi qabel tistqarr il-pożizzjoni tagħha.  Dan id-diskors jittratta l-istorja tal-Malti bħala proċess aktar milli serje ta’ fatti bla konnessjoni, u jislet minn dan il-proċess dawk l-aspetti formattivi u dawk iċ-ċirkustanzi evoluttivi li wieħed għandu jikkunsidra qabel ifassal pjan għall-Malti ta’ llum.  Albert Borg u Manwel Mifsud juru wkoll il-periklu li jinħoloq meta, f’ħarsa ’l quddiem għall-ilsien Malti, wieħed ipoġġi l-lingwa tagħna f’kategoriji lesti (ngħidu aħna l-kategorija ta’ “lingwi użati inqas”) minkejja li dawn ma jkunux jgħoddu għalih.

L-analiżi ta’ l-isfond soċjali u universitarju li fih trawwem ir-rumanzier Ġużè Bonniċi, flimkien ma’ l-osservazzjonijiet kritiċi dwar ix-xejriet letterarji ta’ dan il-kittieb, joffru eżempju ieħor ta’ studju awtorevoli.  Ix-xogħol ta’ Oliver Friggieri jistrieħ fuq snin twal ta’ speċjalizzazzjoni fil-qasam letterarju, u jittratta n-narrattiva ta’ Ġużè Bonniċi kemm f’rabta ma’ l-isfond universitarju msemmi, kif ukoll f’paragun mal-qagħda kulturali li offriet l-Ewropa ta’ żmien ir-rumanzier, speċjalment l-Ewropa letterarja tad-Dekadentizmu u tal-Krepuskolariżmu.  Fil-qofol tiegħu, l-istudju ta’ Friggieri jpoġġi s-sensibilità ta’ Bonniċi fis-“sensibilità ta’ żmienu,” biex juri kif il-kitba unika ta’ awtur tingħaraf bħala framment f’możajk storiku sħiħ.

L-istess kwalitajiet awtorevoli jidhru fl-istudju ta’ Ġorġ Mifsud-Chircop, li jitlaq minn prinċipji fundamentali tan-narrotoloġija biex jasal fl-analiżi ta’ l-aspetti folkloristiċi tal-ħrafa Maltija.  Mifsud-Chircop jidħol f’dettal sħiħ fuq ir-relattività bejn id-diversi fatturi li flimkien jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-ħrafa bħala att diskursiv, jiġifieri bħala kompromess orali bejn in-narratur u n-narratarju waqt ir-rappreżentazzjoni tagħha.  Dawn l-osservazzjonijiet jikxfu n-natura kumplessa tad-diskursività tal-ħrafa, immanipulata kemm minn dak li diġà taf l-udjenza, kif ukoll mix-xena, mill-ġesti, u fuq kollox mill-konnotazzjonijiet vulgari involuti fl-eżekuzzjoni tagħha.

F’kuntrast ma’ dawn l-ilħna awtorevoli, ir-rivista Il-Malti ma għandha qatt tinjora pożizzjonijiet teoretiċi ġodda, kemm-il darba dawn jesebixxu kwalità akkademika li tmur ’l hinn minn kitba spekulattiva.  Ann Marie Scerri tikkonċentra fuq il-poeżija moderna Maltija bħala “pjattaforma ewlenija li fuqha ġew esposti l-prinċipji fundamentali ta’ l-ekokritika,” avviċinament kritiku tassew riċenti li jitbiegħed mill-kuxjenza antropoċentrika li ddominat il-letteratura f’epoki aktar bikrin.  L-argument ta’ Ann Marie Scerri dwar kitba letterarja li ma tħallix lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħolqien għandu jfakkar lill-qarrej fid-direzzjoni ġenerali li ħadu l-Moderniżmu u l-Postmoderniżmu.  Fuq kollox, din il-pożizzjoni teoretika ġġedded is-sinifikat u l-validità tad-dinja poetika Maltija b’kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi, u b’hekk ma tħallix lil-letteratura Maltija tirriduċi ruħha għal definizzjoni statika, jew għal diskors sterjotipat marbut ma’ sillabu ta’ eżami.

Kif wieħed jistenna, il-medda ta’ kittieba akkademiċi li sa ċertu punt jew ieħor specjalizzaw f’xi qasam tal-Malti hi wiesgħa.  Ħarsa ħafifa lejn ix-xogħlijiet l-oħra li jidhru f’din il-ħarġa tiddeskrivi l-varjetà ta’ interessi u avviċinamenti li bejniethom jiġġeneraw l-istudju tal-Malti.  Charles Briffa jittratta l-Malti fil-ġurnaliżmu, b’ħarsa li timxi minn fatti storiċi sal-qagħda riċenti ta’ dal-medju ta’ komunikazzjoni.  Safejn dan il-proċess għen fit-twessigħ tal-varjetajiet tal-Malti u fit-twaqqif ta’ reġistru ġurnalistiku, ir-riżultat kien ta’ benefiċċju għal ilsienna.  Iżda Briffa juri wkoll kif l-istess proċess wassal għan-normalizzazzjoni ta’ għadd ġmielu ta’ żbalji fil-Malti mitkellem u miktub, tant li dawn l-iżbalji llum ħadu post il-konvenzjonijiet lingwistiċi ta’ lsienna.  Minn hawn, Briffa jislet għadd ta’ kummenti fuq il-ġurnaliżmu minn kittieba Maltin ewlenin, u bihom jissuġġerixxi ġurnaliżmu aktar korrett fis-sintassi, u aktar għaqli fl-għażla ta’ l-idjoma u tar-reġistru tiegħu.

Is-sehem li tista’ tagħti r-rivista Il-Malti fid-djalogu mal-passat jidher tajjeb ħafna fl-istorja tat-teatrin Malti kif ippreżentata minn Marco Galea.  Fi sfond argumentattiv li jittratta l-kultura u l-mentalità ta’ pajjiż ikkolonizzat, Galea jikxef uħud mill-kawżi storiċi tal-qagħda kulturali li ngawdu llum.  Dan jagħmlu billi jlaqqa’ flimkien diversi fatturi soċjali, politiċi, u lingwistiċi li bnew mentalità kulturali imitattiva.  L-argument ewlieni fl-istudju tiegħu jittratta l-mod kif il-kolonjaliżmu Ewropew ħoloq, fil-kuxjenza kulturali Maltija, it-tendenza li nimxu skond “ġerarkija ta’ razez, li tibda bl-Ewropej fuq nett.”  Dan l-argument jispjega għaliex l-arti teatrali f’Malta, bħal bosta forom ta’ arti oħra, imitat il-mudelli Ewropej bħallikieku dawn kellhom l-aqwa xejriet stilistiċi, l-aħjar arketipi, u l-ideoloġija l-aktar korretta.  Minflok jagħti biss fatti dwar il-bidu tat-teatru Malti fis-seklu dsatax, Galea jistħarreġ il-formazzjoni ta’ mentalità, u l-oriġini ta’ tip ta’ arti minħabba fatturi li la kienu estetiċi biss u lanqas mingħajr preġudizzju.

L-istħarriġ storiku li jwettaq Olvin Vella fuq Stedina ta’ Mikiel Anton Vassalli hu xhieda oħra ta’ kemm il-kitba Maltija tal-passat għadha toffri għalqa fertili ta’ skoperti.  Olvin Vella wkoll ma jagħtix biss fatti storiċi, iżda jwettaq studju komparattiv bejn is-sorsi li minnhom ksibna Stedina.  Billi jqiegħed biswit xulxin, f’tabelli siewja, is-sorsi testwali li jikkompara, Vella juri li l-passat innifsu hu magħmul minn ħafna interpretazzjonijiet ta’ l-istess dokument, u għalhekk hu wirt dinamiku, aktar milli patrimonju statiku.  Il-kulminu ta’ dan l-istudju komparattiv jintlaħaq meta l-awtur jiskopri rabta intertestwali bejn Stedina ta’ Vassalli u Il-Jien u Lil Hinn Minnu ta’ Dun Karm, biex b’hekk juri kif f’perjodu aktar bikri fl-istorja tal-Malti kien hemm diġà proċess ta’ self bejn testi differenti, wieħed li jittratta l-politika lingwistika u ieħor li hu poetiku.

Ir-rabta ta’ l-istudjuż mal-passat tinvolvi wkoll is-sejba, intuwita jew aċċidentali, ta’ kitba mitlufa jew minsija fil-biblijoteka.  Permezz ta’ l-iskoperta tiegħu ta’ ġrajja qasira ta’ Fortunato Panzavecchia, David Agius Muscat juri kif il-passat minn jeddu jissorprendina, billi jpoġġi f’idejna manuskritt mhux magħruf.  Meta rakkont ta’ madwar l-1845 jerġa’ jixref fl-2005, il-kontinwità bejn dawn iż-żewġ dati tkun issuktat kemm bil-ħila tal-bibljoteka bħala istituzzjoni awtonoma ta’ preservazzjoni, kif ukoll bil-ħidma ta’ l-istudjuż bħala qarrej b’metodoloġija ta’ riċerka.  Agius Muscat qed jerġa’ jagħti d-dawl lil manuskritt tal-passat, u b’dan il-mod qed juri kif ir-rivista Il-Malti tista’ toffri operazzjoni tassew siewja: li tgħaqqad mument kreattiv fl-imgħoddi ma’ kuntest ta’ qari fil-preżent, u tagħti bidu għal medjazzjoni interpretattiva bejniethom.

L-istudju ta’ Mario Cassar dwar l-evoluzzjoni tal-protagonist fil-letteratura Maltija jindirizza l-ħtieġa ta’ tipoloġija fil-letteratura tagħna.  Cassar jittratta tliet stadji evoluttivi: l-eroj tradizzjonali tar-rumanz storiku-romantiku fl-ewwel fażi tal-letteratura tagħna; l-eroj aktar verosimili li tfaċċa fit-tletinijiet b’konnessjonijiet ftit aktar kumplessi ma’ grupp soċjali; u l-anti-eroj li xiref fl-orizzont letterarju tagħna fis-sittinijiet, f’distakk min-nazzjon u mis-soċjetà.  Matul l-analiżi tiegħu, Cassar jistħarreġ il-kawżi politiċi u kulturali, kemm lokali kif ukoll Ewropej, li ġġeneraw din l-evoluzzjoni.  Jaqbad ukoll kategoriji letterarji klassiċi (bħat-tipoloġija tal-protagonist ta’ Aristotli u ta’ Northrop Frye) biex ipoġġi l-protagonist Malti f’garzelli magħrufin fost il-ġeneri ewlenin tal-letteratura.  Matul dan l-istudju, il-qarrej hu kontinwament infurmat bil-klima u bis-sekwenza kronoloġika tal-perjodi li matulhom twieled u ttrasforma ruħu l-protagonist letterarju Malti.  Bl-attenzjoni li jagħti lill-perjodi nfushom u lit-transizzjoni bejn il-perjodi, Cassar jiżvela l-adattamenti sottili tal-letteratura Maltija għar-realtà politika u soċjali taż-żmien.

L-istudju tiegħi dwar it-tifsira tax-xbieha tal-ħarruba fil-poeżija “Quo Vadis?” jistħarreġ kif it-tifsira letterarja tevolvi mhux tinstab.  Dan l-istudju jippreżenta l-entità letterarja (oġġett, persuna, ċirkustanza) bħala proġett aktar milli oġġett, u jinqeda b’avviċinament fenomenoloġiku biex juri li kull entità letterarja tinbena fi stadji li mbagħad jiġu assimilati fi stadji interpretattivi oħra li jseħħu wara.  Il-proċess hu akkumulattiv, u juri kif l-interpretazzjoni ta’ kull entità letterarja hija, fil-fatt, medjazzjoni bejn l-inferenzi li jkompli jiġġenera t-test u dak kollu li diġà jaf il-qarrej mir-repertorju letterarju u kulturali tiegħu.

Ir-rivista Il-Malti tilħaq l-iskop ewlieni ta’ rendezvous kull darba li tlaqqa’ flimkien għadd ta’ studjużi tal-Malti, biex tippreżenta d-djalogu tagħhom mat-tradizzjoni ta’ lsienna.  Dan ir-rwol doppju jibdel id-diversità akkademika f’appuntament wieħed, jiġifieri f’ħin u post miftiehma li fihom studjuż jiltaqa’ ma ieħor daqskemm il-passat jitħaddet mal-preżent.  Iżda appuntament wieħed mhux il-kwistjoni kollha magħluqa.  Hu stedina għal sensiela ta’ appuntamenti oħra dwar l-istess materja li se tkompli tiġi diskussa.  Nawgura li din il-ħarġa ta’ Il-Malti taqdi dan l-iskop ta’ rendezvous, u tkun stedina għal studjużi oħra tal-Malti li jixtiequ jattendu l-appuntament li jmiss.

Bernard Micallef

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s