Ħarġa Akkademika LXXIX (2007) minn Marco Galea

IL-WERREJ

 

L-Editorjal

Marco Galea

 

Abbrevjazzjonijiet

 

“Il-Għarusa tal-Mosta” u Drammi Manuskritti Oħrajn ta’ Qabel l-1845 fil-Fondo Panzavecchia

David Agius Muscat

 

Il-Kardinal Giuseppe Mezzofanti u l-Malti

Mario Cassar

 

Il-Poeżija ta’ Daniel Massa: It-Tiftixa ta’ Tfulija Dejjiema

Oliver Friggieri

 

L-Element tal-Konfront f’Monsinjur Pietru Pawl Saydon

Sergio Grech

 

Juan Mamo u s-Sigrieti ta’ Wlied in-Nanna Venut

Adrian Grima

 

Gwerrieri u Sinjorini: Mary Meylak u l-Poeżija tal-Ġisem

Immanuel Mifsud

 

Il-Meraq taż-Żmien: Ħarsa lejn ir-Raba’ Taqsima ta’ Bil-Varloppa – l-Ewwel Ġabra ta’ Poeżiji ta’ Louis Briffa

Peter Serracino Inglott

 

Laurent Ropa u l-Maltin ta’ l-Alġerija

Dorothy Scerri

 

Tieqa Mbexxqa fuq is-Semantika Lessikali

Michael Spagnol

 

Ktejjeb Rari ta’ Cannolo

Olvin Vella

 

Wiċċ Malta Qabel Ma Ġie l-Ordni

Godfrey Wettinger

 

Dawl Ġdid fuq l-Ewwel Pubblikazzjoni tal-Katekiżmu Kattoliku bl-Ilsien Malti: Tagħlim Nisrani(1752) ta’ Franġisk Wzzino

William Zammit

 

Dokumentazzjoni: Id-Dar ta’ l-Għaqda/Akkademja

Anton Agius Muscat

 

L-EDITORJAL

Din l-edizzjoni ta’ Il-Malti tagħlaq ċiklu ta’ sentejn fil-ħidma ta’ l-Akkademja tal-Malti. Il-kitbiet li jidhru hawnhekk huma frott it-tip ta’ riċerka li l-Akkademja tixtieq tara fil-qasam tal-Malti. Uħud mill-artikli huma r-riżultat dirett ta’ attivitajiet li wettqet l-Akkademja, meta stiednet studjużi prominenti jitkellmu dwar il-qasam tar-riċerka tagħhom. Fost l-artikli l-oħra hemm ukoll ix-xogħol ta’ studjużi aktar żgħażagħ, li aktarx se taqraw il-kitba tagħhom għall-ewwel darba. Magħhom imbagħad hemm artikli oħra ta’ studjużi magħrufa sew fil-qasam tal-Malti.

Il-bord editorjali għamel sforz biex minbarra li l-artikli jkunu kollha ta’ livell għoli, ikun hemm firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ suġġetti mill-oqsma kollha ta’ l-istudji Maltin. Ninsabu sodisfatti li dawn l-għanijiet ilħaqniehom, għalkemm naturalment inħallu lill-qarrejja jiġġudikaw.

L-esperjenza ta’ dawn is-sentejn bħala editur ta’ Il-Malti u president ta’ l-Akkademja tal-Malti wrietni sitwazzjonijiet li qabel ma kontx midħla daqshekk tagħhom. Fi tmiem dan it-terminu naħseb li nista’ nitkellem dwar ir-rwol ta’ l-Akkademja fil-kuntest soċjali u politiku ta’ żmienna, u f’relazzjoni ma’ entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-Malti u tal-kultura.

L-Għaqda Kittieba tal-Malti, li mbagħad saret l-Akkademja tal-Malti, intrabtet f’moħħ il-Maltin ma’ l-alfabett, l-ortografija u l-grammatika tal-Malti. Bir-raġun. M’hemmx dubju f’moħħi illi kieku ma kinitx il-ħidma tal-pijunieri ta’ l-Għaqda kmieni fis-seklu għoxrin, il-kitba bil-Malti llum hija ħafna inqas stabbli milli hi. Imma dan ix-xogħol irridu nqegħduh f’perspettiva usa’. In-nies li tawna l-alfabett li nużaw u stabbilew ir-regoli tal-grammatika kienu qed jaħdmu fil-qafas ta’ għaqda li tirrappreżenta l-kittieba. L-interess fl-ortografija qatt ma kien l-għan ewlieni ta’ l-attività tagħhom. Kien biss il-mezz biex bħala kittieba Maltin ikunu jistgħu jikkomunikaw. Imma l-ewwel u qabel kollox kienu jqisu lilhom infushom bħala kittieba.

Ftit aktar minn sentejn ilu, bit-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti, lill-Akkademja “tteħditilha” l-funzjoni li tkun il-kustodja ta’ l-ortografija u l-grammatika. Naturalment, l-Att dwar l-Ilsien Malti, li permezz tiegħu twaqqaf il-Kunsill, jirrikonoxxi x-xogħol li għamlet l-Akkademja f’dan il-qasam, u minbarra li l-Akkademja hija rrappreżentata fil-Kunsill imsemmi, trid tiġi kkonsultata f’diversi sitwazzjonijiet. Imma r-responsabbiltà l-kbira ta’ l-iżvilupp ta’ l-ortografija issa waqgħet fuq il-Kunsill.

Ħafna nies li tul ħajjithom taw sehemhom fl-Akkademja setgħu raw dan l-iżvilupp bħala umiljazzjoni għall-Akkademja. Imma naħseb li nistgħu nħarsu lejn is-sitwazzjoni minn naħa oħra. Għal ħafna snin in-nies kienu jħarsu lejn l-Akkademja bħala istituzzjoni li hija marbuta ma’ patrimonju prezzjuż imma li qed issibha bi tqila biex tamministrah. Jista’ jkun illi kieku fis-snin li għaddew l-Akkademja rriformat ruħha u dehret quddiem is-soċjetà bħala istituzzjoni dinamika li tista’ tagħti direzzjoni lill-Maltin quddiem l-isfidi l-ġodda li sab quddiemu l-Malti bil-firxa tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, illum l-Akkademja kien ikollha aktar kontroll fuq kif tiżviluppa l-kitba tal-Malti. Imma minbarra li dan huwa kollu argument inutli, għaliex issa l-istorja seħħet kif seħħet, fir-realtà l-Akkademja naqsitilha xi ħaġa importanti mill-identità tagħha b’dak li ġara?

Nissogra ngħid li llum l-Akkademja tinsab f’sitwazzjoni aħjar biex tagħmel ix-xogħol tagħha. Il-missjoni ewlenija tagħha hija li ġġib ’il quddiem l-interessi tal-kittieba Maltin. U x’jistgħu jkunu dawn l-interessi? L-ewwel interess għandu jkun li titjieb il-kwalità tal-kitba tagħna kemm jekk aħna, studjużi, poeti, rumanziera, tradutturi jew ġurnalisti u l-bqija. Qatt ma nistgħu ngħidu li ma nistgħux nagħmlu aktar biex niktbu aħjar. Ma nistgħux inkunu kuntenti li l-Akkademja qed tagħmel biżżejjed f’dan il-qasam. Fl-aħħar sentejn organizzajna numru ta’ seminars u taħditiet li fihom għadd ta’ riċerkaturi kellhom il-possibiltà li jiddiskutu r-riċerka tagħhom ma’ riċerkaturi, studenti u mal-pubbliku interessat fis-suġġett. Irridu nippruvaw nagħmlu xi ħaġa simili f’oqsma oħra. Irridu wkoll insibu mezzi biex il-kittieba Maltin ikollhom aktar kuntatti ma’ kittieba minn pajjiżi oħra, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Dan għandna nagħmluh kemm fuq livell individwali kif ukoll bħala organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-kittieba.

L-Akkademja trid taħdem ukoll fuq il-preżenza u l-viżibilità tal-kittieba u l-kitba tagħhom fis-soċjetà. Ma nistgħux nippretendu li dak li għandhom xi jgħidu l-kittieba jkun importanti daqs dak li jgħidu l-kantanti li nibagħtu għall-Eurovision, imma rridu nippruvaw noħolqu klima fejn il-kittieba, l-istudjużi, il-ġurnalisti serji, fi kliem ieħor, il-kategoriji li f’ambjenti oħrajn jitqiesu bħala l-intellettwali, in-nies li jaħsbu, ikollhom sehem ewlieni mill-mod kif tiġi ffurmata l-opinjoni pubblika f’pajjiżna. Ma nistgħux inweħħlu biss fis-soċjetà li mhix interessata fil-kittieba, irridu nsibu mezzi kif il-kitba (u b’kitba ma nifhimx biss il-letteratura, imma wkoll ir-riċerka u l-ġurnaliżmu) ssir aktar ċentrali għall-ħajja tal-pajjiż. Jekk l-Akkademja, li tirrappreżenta lill-kittieba, ma tibdiex diskussjoni bħal din, ma nafx min jista’ jkollu interess jibdieha.

Din il-preżenza trid tibda fuq livell istituzzjonali. F’pajjiżna, m’għandna ebda istituzzjoni li hija responsabbli mill-iżvilupp tal-letteratura. Jeżisti l-Kunsill tal-Ktieb, jeżisti l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, hemm il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti; ilkoll għandhom interess li jmexxu ’l quddiem il-letteratura Maltija u lkoll iwettqu inizjattivi f’dan is-sens, imma m’hemmx strateġija ċara ta’ x’inhu meħtieġ biex il-letteratura tagħna titjieb fil-kwalità u tinfirex aktar fost il-Maltin u l-barranin. Mhux qed ngħid li dawn il-kunsilli ma jaħdmux biżżejjed, għaliex naf biċ-ċert li jagħmlu ħafna iżjed milli hu mistenni minnhom bil-fondi li jingħatawlhom. Qed ngħid biss li ħadd qatt ma ħaseb li fuq livell governattiv hemm bżonn politika koerenti li tgħin il-letteratura tiżviluppa. Il-kittieba, bħall-produtturi tal-patata, għandhom bżonn appoġġ istituzzjonali biex jagħmlu xogħolhom aħjar, u meta jagħmluh, biex isibu suq għalih, u meta jbigħuh jitħallsu tiegħu. Jgħidu li l-letteratura kbira tinħoloq ukoll f’sitwazzjonijiet diffiċli, u allura m’għandhiex bżonn għajnuna, imma ma naħsibx li għandna l-lussu li nħallu l-politika tagħna f’idejn xi Pinochet jew Stalin biex naraw x’jiġri mil-letteratura tagħna.

Fil-qasam tar-riċerka s-sitwazzjoni mhix wisq aħjar. Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università huwa wieħed mill-iżgħar dipartimenti tal-lingwi f’termini ta’ riżorsi umani minkejja li jilqa’ numru kbir ta’ studenti kull sena. Għal għadd ta’ snin issa, id-dipartiment kellu effettivament professur wieħed tal-letteratura, waqt li per eżempju d-Dipartiment ta’ l-Ingliż għandu erbgħa, bejn professuri u għalliema oħra speċjalizzati fil-letteratura. Kif tista’ ssir riċerka serja fil-qasam letterarju jekk l-uniku dipartiment universitarju fid-dinja fejn suppost issir ir-riċerka dwar il-letteratura Maltija huwa daqshekk fqir?

Id-diskors dwar ir-relazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet mal-lingwa u l-letteratura Maltija jista’ jibqa’ sejjer. Imma naħseb li kollha kemm aħna nistgħu nġibu għexieren ta’ eżempji li kollha kemm huma juru li jonqosna ħafna biex nuru li l-oqsma marbuta mal-lingwa u l-letteratura Maltija neħduhom bis-serjetà li jistħoqqilhom. Imma fuq l-istituzzjonijiet l-influwenza tagħna tista’ tkun limitata. It-triq li forsi xi darba twassalna biex ikollna kultura li tqis il-Malti bħala riżorsa u mhux xkiel għall-iżvilupp tagħna bħala poplu tista’ tuża lilna bħala kittieba, studjużi, tradutturi, ġurnalisti, għalliema u l-bqija li nħaddmu l-Malti biex naqilgħu x’nieklu u għaliex għandna rabta intellettwali u emozzjonali miegħu. Imma biex dan jiġri rridu nuru li bħala kategorija u bħala individwi aħna nies li nafu xogħolna u li lesti nikkontribwixxu biex is-soċjetà li ngħixu fiha timxi ’l quddiem. L-Akkademja naħseb li għandha tkun is-simbolu ta’ dan l-impenn. Jekk ma tilqax din l-isfida, jitfaċċaw formazzjonijiet oħrajn li jagħmluna irrilevanti.

Marco Galea

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s