Kif il-ġeografija tgħinna nifhmu l-Kantilena
Taħdita organizzata bi sħab bejn l-Akkademja tal-Malti u Palazzo Falson Historic House Museum. Saret f’Palazzo Falson, l-Imdina. Il-Ħadd, l-24 ta’ Lulju, fl-10.30am.

Isma’ t-taħdita hawn taħt:

Dr John A. Schembri huwa l-koordinatur tad-Diviżjoni tal-Ġeografija fl-Istitut tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta. Studja fl-universitajiet ta’ Malta u ta’ Durham fir-Renju Unit. L-interessi akkademiċi tiegħu huma prinċipalment madwar il-ġeografija storika taċ-ċaqliq tal-popolazzjoni f’Malta u l-iżvilupp tal-kosta.
Il-Ġeografija għandha diversi oqsma wesgħin: il-ġeografija fiżika, umana, u dik li tgħaqqad iż-żewġ oqsma flimkien. Il-Kantilena hi xhieda ta’ dawn it-tliet oqsma magħqudin f’poeżija waħda fuq dar li waqgħet għax kienet mibnija fuq tafal artab. L-ewwel żewġ taqsimiet tat-taħdita jittrattaw fuq il-parti fiżika biss, imbagħad tiġi ttrattata l-parti umana u fl-aħħar dik il-parti li tgħaqqad il-fiżiku mal-uman.
F’din it-taħdita l-ewwel ser jiġu deskritti fil-qosor it-tipi differenti ta’ blat li sawru l-gżejjer Maltin, jiġifieri l-ġeologija, il-firxa tagħhom u l-effetti li għandu s-saff tafli fuq il-blat ta’ fuqu. Il-kuluri differenti msemmija fil-poeżija jiġu interpretati wkoll. Fit-tieni parti tiġi ttrattata il-ġeomorfoloġija – jew il-forma tal-blat, kif l-art tiġi mmudellata mill-elementi, miċ-ċaqliq siżmiku u wkoll minn xogħol il-bniedem. Tingħata wkoll spjegazzjoni ħafifa ta’ kif it-tafal irendi l-blat ta’ fuqu instabbli bil-mixja tal-ilma tax-xita minn ġol-blat għal fuq it-tafal li mbagħad jirtab u jċaqlaq il-blat ta’ fuqu u wara jġarraf xi bini mibni fuqu, bħal fil-Kantilena. Jiġu indikati l-inħawi fejn jinstabu dawn iċ-ċirkostanzi. Din il-parti tkun ibbażata wkoll fuq ir-riċerka li saret mid-Diviżjoni tal-Ġeografija (tal-Università) matul dawn l-aħħar sitt snin, u jintwerew ukoll xi riżultati riċenti u tingħata spjegazzjoni għar-rata ta’ dan iċ-ċaqliq.
It-tielet parti tat-taħdita tittratta l-lokalitajiet il-mibnija f’Malta ta’ żmien il-Kantilena u l-importanza tal-ġeografija għall-interpretazzjoni tal-firxa ta’ dawn l-irħajjel, b’paragun mal-Imdina.
It-taħdita kienet imżewqa b’mapep, ritratti u tabelli.