Mifsud Bonnici Robert (1884—1967) bin il-poeta Ġanni, l-ewwel minn disa’ ħutu; ommu Teresa mwielda Bondin, twieled Ħal Qormi fis-27 ta’ Marzu 1884. Edukat fl-Iskola Privata tal-Professur Pawlu Cesareo, il-Liċeo u fil-Kulleġġ ta’ Flores. Fl-1906, b’eżami kompetittiv ħareġ l-ewwel fost 70 kandidat u kiseb il-post ta’ “Assistant Storekeeper” fid-Dipartiment ta’ l-Istituti tal-Karità. Wettaq servizz speċjali fil-“Food Control Office” matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, 1914—1918, u fil-kamp tar-rifuġjati Maltin ta’ Smirni (1920). Dawn is-servizzi ġew magħrufin uffiċjalment u rreġistrati. Minkejja l-impenn tax-xogħol irnexxielu jsib ħin biex fl-1926 beda jikteb bil-Malti. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, 1939—1945, waqqaf u fetaħ diversi sptarijiet u Djar tal-Kenn f’Għawdex għax-xjuħ u morda ta’ l-Isptar San Vinċenz de Paul għar-rifuġjati f’Għawdex. Fis-27 ta’ Marzu 1945, ħareġ bil-pensjoni u minn Għawdex ġie jgħammar f’Malta fi 48, Triq Sant’ Andrija ġewwa Ħal Lija u flok il-“meritato riposo” għażel ix-xogħol u l-ħidma bil-kelma u l-pinna għall-ġid soċjali, morali nazzjonali.
Rob Mifsud Bonnici, kif kien magħruf, kien prożatur “prolifiku u ħaddem il-pinna tiegħu f’xogħljiet diversi; hu kiteb dwar suġġetti axxetiċi, didaskaliki, artistiċi, patrjottiċi u bijografiċi; kien kommenmtatur għaqli, ġurnalista tajjeb u polemiku qawwi.” Ħaġa tal-għaġeb kif dment li kien għadu jaħdem mal-Gverm, kemm ukoll wara sakemm għalaq għajnejh, kellu l-ħila jlaħħaq ma’ dik il-kitba kollha li nsibu msemmija fil-lista tal-pubblikazzjonijiet tiegħu. Fost dawn ta’ min isemmi r-rumanz Midinbin, kotba fuq l-istorja tal-Baned ta’ Malta u Għawdex, tal-Mużiċisti, Kompożituri u Maestri di Cappella, u fuq kollox id-Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali – l-aqwa xogħol tiegħu. Riedet tkun il-ħeġġa u s-sabar tiegħu biex qabel ma miet kellu l-ħila fl-aħħar snin ta’ ħajtu jaħdmu u jtemmu. Dan id-Dizzjunarju, ktieb utli ta’ riferenza, ġie ppubblikat mill-Gvern Ċivili. B’din il-pubblikazzjoni l-awtur wera li kien il-pijunier tal-kitba bijografika ta’ persunaġġi Maltin.
Fiż-żmien ta’ kommemorazzjoni ċentinarja ta’ Dante għamel studju u ppubblikah dwar id-Divina Commedia li jservi bħala xogħol ta’ riferenza mill-istudjużi tal-poeżija Danteska. Barra minn hekk ħalla manuskritt fi tliet kotba dwar La Divina Commedia parafrisata. Mifsud Bonnici kiteb ukoll għadd kbir ta’ kontribuzzjonijiet għall-istampa dwar polemiki nazzjonali, soċjali, morali u politiċi-reliġjużi, barra mill-programmi stabbiliti li kellu fuq ir-Rediffusion. Imbilli hu kien iħobb ħafna l-mużika kien isib ħin biex imur ikanta fil-knejjes f’okkażjonijet speċjali.
“Bħala apprezzament tal-kitba reliġjuża u morali tiegħu, li tagħha fl-imġiba tiegħu, ta l-isbaħ xhieda eżemplari matul il-ħajja tiegħu”. Nhar is-Sibt, 17 ta’ Frar 1968, fit-Teatru ta’ l-Università ta’ Malta, il-bini l-qadim fil-Belt, fil-5.00 p.m., l-E.T. Mons Arċisqof Sir M. Gonzi ta d-Diploma u s-Salib PRO ECCLESIA ET PONTIFICE lis-Sur Ġuże’ Misud Bonnici (hu Robert mejjet), li hu nnifsu hu poeta, u billi l-poeżija tiegħu tixtieq tgħallem, isejħulu “poeta moralista”. L-E.T. Mons Arċisqof qal li Robert Mifsud Bonnici kien ilu jafu minn qabel ma sar Isqof ta’ Għawdex. Dejjem kien jafu bi bniedem serju u li dejjem xtaq li bil-kitba tiegħu jagħmel il-ġid. Is-Sur Robert ma beżax jidħol għat-taqtigħa meta ħass li kien hawn min bil-kitba tiegħu minn fuq il-ġurnali jista’ jitfa’ xi dell fuq it-twemmin nisrani jew fuq il-Knisja. Mhux darba u tnejn mar għand l-E.T.Mons Arċisqof sabiex jitolbu jgħidlu jekk dak li kien se jikteb dwar irqaqat fuq it-twemmin nisrani, kitibhomx kif għandu jkun: dan kien jagħmlu mhux biex jidher, iżda biex bl-umilta’ kollha jitlob parir. Fil-polemiki tiegħu qatt ma nibbet f’qalbu mibegħda lejn min kien joħodha miegħu, għalkemm xi daqqiet kien isib ruħu taħt in-nar tat-tilwima. Kien bniedem li kiteb ħafna u l-kitba tiegħu dejjem ġid xtaq jagħmel biha. L-aqwa tifkira tiegħu fil qasam profan huwa d-“Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali”, biċċa xogħol ta’ siwi u ta’ tagħlim.”
Barra mix-xogħlijiet ippubblikati tiegħu għandu għadd kbir ta’ manuskritti maħżuna fil-Bibljoteka Nazzjonali fosthom: L-Għaqda tal-Baned fi tliet taqsimiet; Il-Għaqda tal-Bnedmin fi tliet taqsimiet; Il-Ġurnaliżmu b’Ilsien Malti f’erba’ taqsimiet; Ward, Weraq u Żranaġ–Tagħlim morali, soċjali, filosofiku, psikoloġiku fi tliet taqsimiet; Id-Dell tal-Mara (kummiedja f’att wieħed); Is-Sultan Erodi Agrippa ,rumanz bibliku; Ġrajja tal-Gwerra 1939-1945; Il-Ħtijiet tal-Ġnus bi prefazzjoni tal-Professur Ġużè Galea; Ħajti (Awtobijografija ta’ Rob. Mifsud Bonnici); Ħajja Letterarja, Polemika, Ġurnalistika ta’ Rob. Mifsud Bonnici f’20 volum; Il-Mara ta’ Llum jew Mhux Kulma Jleqq Deheb (Kummidja fi tliet atti); Missier il-Qerq jew Ġuda minn Karjoth dramm bibliku f’ħames taqsimiet; eċċ. U għadd kbir ta’ manuskritti ta’ konferenzi soċjali mxandra minn fuq ir-Rediffusion, f’Istituti Letterarji, f’teatri, ċentri mużikali bandistiċi u fi swali ċiviċi.
Rob Mifsud Bonnici kien Membru Akkademiku ta’ l-Akkademja tal-Malti.
Pubblikazzjonijiet:
Il-Ħajja tal-Beata Antida Thouret (1926); Alla u l-Bniedem (1930); Il-Bniedem u Alla (1930); Alla x-Xitan il-Bniedem (1931); Ir-Re Ġorġ il-Ħamsa, Bijografija (1935); Kliem ix-Xiħ (1935); Midinbin (rumanz) (1937); L-Ewwel Safra Tiegħi (1940); Ġawhra (1945); Bejnietna Ma Temminx? (1947); Bejnietna se Titgħarras ? (1948); Ġrajjiet Mhux Ħrejjef (1949); Bejnietna u Bejnietna (1949); Nisel il-Bniedem (1949); Maestri di Cappella tal-Kattidral (1950); Mużiċisti Kompożituri Maltin u Għawdxin (1951); Il-Ġrajja tal-Mużika f’Malta u Għawdex (1954); Ġrajja ta’ Baned, L-Ewwel Ktieb (1956); Ġrajja ta’ Baned, It-Tieni Ktieb (1957); Storja tal-Banda Nazzjonali, La Valette (1959); Il-Kalendarju (1962); In-Neguzjant Gio Batta Delia, Bijografija (1962); Storja dokumentata tal-Banda Pinto (1963); Id-Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali ppubblikat mill-Gvern Ċivili; Dante Alighieri, La Divina Commedia, studju partikolari (1965)
Riferenzi: Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali, Rob Mifsud Bonnici; Il-Malti (Marzu 1968) pp 3 u 22; Il-Malti (Ġunju 1968) p 50.
Maurice Mifsud Bonnici (neputih)