Mill-bidu sal-1999

L-informazzjoni kollha dwar l-istorja tal-Akkademja ttieħdet mir-riċerka ta’ Adrian D. Casha u Jolene Camilleri, għat-teżi tal-B.Ed. (bl-Unuri), Mejju 2000.

L-Istorja tal-Akkademja tal-Ma1lti
(Għaqda tal-Kittieba tal-Malti)
(1920 – 2000)

It-twaqqif u l-iskop

Franġisk Saver Caruana kien fost madwar għoxrin kontributur li kien jikteb ittri ta’ xejra letterarja fil-ġurnal Il-Ħabib sa mill-1911. F’waħda minn dawn l-ittri fil-21 ta’ Settembru 1920, għamel sejħa biex titwaqqaf għaqda li tħares l-ortografija tal-Malti. Fl-istess waqt beda jħeġġeġ għadd ta’ kittieba tal-Malti sabiex jingħaqdu flimkien. Din is-sejħa kellha rispons pożittiv, tant li fl-14 ta’ Novembru 1920 sitta u tletin kittieb iltaqgħu fl-Unione Cattolica San Giuseppe, il-Belt Valletta, u waqqfu x-Xirka Filoloġika Letterarja b’dawn l-għanijiet:

  1. li ssawwar alfabett Malti fuq sisien xjentifiċi;
  2. li tiġbor il-kittieba fi ħdanha; u
  3. li tnissel letteratura.

Għal din l-ewwel laqgħa kien hemm bosta kittieba oħrajn li ma setgħux jattendu imma li wrew is-sodisfazzjon tagħhom għat-twaqqif tal-Għaqda. Il-ħtieġa ta’ ortografija Maltija waħda kienet qiegħda tinħass sew, għalhekk l-Għaqda bdiet mill-ewwel il-ħidma tagħha bil-ħatra tal-kummissjoni ‘Tagħrif fuq il-Kitba Maltija’. Din kienet iffurmata minn Ġużè Muscat Azzopardi, Pawlu F. Bellanti, Mons. Pawl Galea, Ninu Cremona u Dun Karm Psaila għal Malta, u Ġanni Vassallo, l-Avukat Ġużè Micallef u Mons. Pawlu Cauchi għal Għawdex. Wara li fis-26 ta’ Diċembru 1920 saret laqgħa mal-istampaturi, il-kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Alfabett u ta’ Grammatika. L-alfabett, li tressaq għall-approvazzjoni tal-kittieba f’laqgħa li saret nhar it-18 ta’ Diċembru 1921, kien fonetiku u kompost minn 29 ittra. Imbagħad il-kummissjoni baqgħet taħdem fuq ir-regoli tal-kitba.

It-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija

Wara sentejn xogħol, fl-1924 l-Għaqda ppubblikat It-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, il-manwal klassiku li stabbilixxa l-ortografija għall-ilsien Malti. Kien ktieb li fl-ewwel taqsima kellu r-regoli tal-ortografija, u fit-tieni taqsima grammatika qasira biex wieħed jifhem aħjar u jħaddem tajjeb dawn ir-regoli. L-Għaqda ma kellhiex il-mezzi, u għalhekk il-Gvern aċċetta li jiffinanzja l-istampar tal-ktieb. Permezz tax-xogħol siewi li għamlet il-kummissjoni maħtura apposta, b’mod partikolari Ninu Cremona u Ġanni Vassallo, fis-snin ta’ wara dehru bosta kotba fl-iskejjel tal-Gvern u fil-familji miktubin bl-ortografija tal-Għaqda. Madankollu kellhom jgħaddu għaxar snin sħaħ sakemm il-Malti beda jkun mgħallem fl-iskejjel tal-Gvern bis-sistema tal-ortografija maħruġa mill-Għaqda.

Għalkemm fl-1924 il-Gvern aċċetta li jistampa t-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, baqa’ ma għarafx l-ortografija tal-Għaqda b’mod uffiċjali. Fis-17 ta’ Marzu 1925 Ġużè Orlando, is-Segretarju Ġenerali tal-Eżekuttiv tal-Partit tal-Ħaddiema, informa lill-Għaqda li l-partit aċċetta li juża l-ortografija tal-Għaqda, imma ironikament, ir-rikonoxximent uffiċjali governattiv inkiseb minn Gvern Kolonjali fl-1 ta’ Jannar 1934.

Fil-ġurnali mhux kulħadd kien jaċċetta l-ħidma tal-Għaqda dwar dan. Ngħidu aħna, fl-20 ta’ Ottubru 1940 ‘Orientalist’ kiteb f’The Times li s-sistema tal-Għaqda mhijiex xjentifika biżżejjed bħala sisien ta’ traskrizzjoni Maltija. Barra minn hekk, fl-1928 Ġanni Vassallo ħareġ Ortografija Maltese u fl-1931 It-Tieni Muftieħ tal-Kitba Maltija, u Ninu Cremona fl-1929 ippubblika A Manual of Maltese Ortography and Grammar, li fihom ma nqdewx bl-alfabett tal-Għaqda.

Matul il-Laqgħa Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 1922 l-Għaqda kienet kostitwita skont statut, fejn l-isem uffiċjali sar Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Wara li laħqet l-għan lingwistiku, bdiet tħejji biex jintlaħaq ukoll l-għan letterarju. Għalhekk fl-1 ta’ Novembru 1924 ħatret kummissjoni oħra magħmula minn Franġisku Saver Caruana, Ġużè Darmanin Demajo, Ġużè Micallef u Vinċenz Mifsud Bonnici, sabiex tħejji proġett għall-ħruġ ta’ rivista letterarja. Fil-21 ta’ Diċembru 1924 il-kummissjoni ressqet is-sottomissjonijiet tagħha għall-pubblikazzjoni, li aktar tard ingħatat l-isem Il-Malti.

Il-Malti

Il-Malti huwa l-organu uffiċjali tal-Akkademja tal-Malti. Beda joħroġ kull tliet xhur minn Marzu 1925. L-ewwel direttur ta’ din ir-rivista kien il-fundatur tal-Għaqda Ġużè Muscat Azzopardi. L-għanijiet tar-rivista Il-Malti huma li:

  • xxerred il-letteratura Maltija;
  • tiddefendi l-interessi tal-ilsien Malti u ssebbħu;
  • tnissel fost il-qarrejja mħabba għall-kultura Maltija;
  • tieħu ħsieb l-uniformità tal-ortografija;
  • tinkoraġġixxi lill-kittieba Maltin; u
  • tħarreġ lill-Maltin fil-qari tajjeb bil-Malti.

Minbarra kitbiet letterarji u kreattivi, reċensjonijiet, studji analitiċi, u aġġornamenti dwar il-ħidma tal-Akkademja u għaqdiet oħrajn tal-Malti, din il-pubblikazzjoni minn dejjem kienet ta’ għajnuna siewja għall-kitba tajba bil-Malti u nsibuha mifruxa wkoll barra minn xtutna, fosthom fl-Awstralja. Il-Malti għen ukoll fit-tkabbir tal-letteratura Maltija permezz ta’ xogħlijiet qosra bħal novelli u esejs. Fost ix-xogħlijiet li stampat l-Għaqda nsibu n-novelli ta’ Temi Zammit, li joħorġu għad-dawl il-psikoloġija u d-drawwiet ta’ niesna, u numru ta’ poeżiji li jfakkru l-festa ta’ San Pawl.

It-tmexxija u s-sħubija

Fl-ewwel sentejn l-Għaqda tmexxiet minn Ġużè Muscat Azzopardi bħala president u minn Franġisk Saver Caruana bħala segretarju, imma kien għad m’għandhiex statut u kumitat. Meta nħatar l-ewwel kumitat fil-Laqgħa Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 1922, Muscat Azzopardi u Caruana żammew il-karigi tagħhom. Fil-karigi l-oħrajn inħatru l-Prof. Temi Zammit bħala President Onorarju, Mons. Pawlu Galea bħala Viċi President, Arturo Mifsud bħala Kaxxier, u Dun Karm Psaila, Ninu Cremona, Ġużè Darmanin Demajo, Rogantin Cachia, Ġużè Micallef, Ġużè Micallef Goggi u Vinċenz Mifsud Bonnici bħala membri. Dakinhar ġie approvat l-ewwel statut, fejn l-għanijiet ġew imfissra bħala:

  1. Il-kittieba jimxu fuq l-istess alfabett, ortografija u regoli grammatikali.
  2. Il-ħarsien tad-drittijiet tal-ilsien Malti fil-ħajja Maltija.
  3. It-tixrid ta’ kitba u kotba li jinkitbu b’Malti tajjeb u li ma jagħmlux ħsara lir-Reliġjon Kattolika.

L-ewwel statut jindika li biex wieħed jissieħeb fl-Għaqda kien jeħtieġlu jagħmel talba bil-miktub, u li jkun propost u sekondat minn tnejn mill-imseħbin. Fil-laqgħa tal-kumitat tat-18 ta’ Diċembru 1927 u fil-laqgħa tal-imseħbin tal-15 ta’ Jannar 1928 ġie approvat statut ġdid, fejn l-Għaqda ħadet ir-rwol ta’ akkademja tal-ilsien Malti. Dan l-istatut kien jispeċifika li s-sħubija tkun miftuħa għal akkademiċi (kittieba tal-Malti magħrufa), extra-akkademiċi (kittieba oħrajn), u Onorarji jew korrispondenti (persuni Maltin u barranin li jistgħu b’xi mod jgħinu lill-Għaqda).

Kull sentejn jiġi elett kunsill ġdid iffurmat minn erbatax-il persuna. Skont il-Liġi, l-ismijiet tal-membri li jiffurmaw dan il-kunsill jiġu mħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern. Kariga interessanti li l-Akkademja ġieli jkollha hija dik ta’ arkivista, li jieħu ħsieb jiġbor tagħrif dwar il-ħajja letterarja tal-membri u dwar l-Għaqda. Peress li l-ħidma tagħha kienet tagħfas ħafna fuq ortografija korretta, kienet tinħatar ‘Kummissjoni Lingwa’ komposta minn ħames membri akkademiċi, sabiex minn żmien għal ieħor tagħmel l-aġġornamenti meħtieġa għall-kitba tajba u uniformi bil-Malti. L-Akkademja taħdem ukoll sabiex iġġib ’il quddiem l-istudju tal-letteratura Maltija.

Minbarra l-Unione Cattolica San Giuseppe, il-Belt, matul is-snin il-kunsill tal-Akkademja tal-Malti ltaqa’ f’lokalitajiet differenti. Fi żmien il-gwerra l-Gvern kien iħallihom jiltaqgħu fl-Uffiċċju Sanitarju tal-Furjana u fl-uffiċċju tal-Mużew, il-Belt, fejn illum hemm il-Posta. Kienu jiltaqgħu wkoll għand il-Patrijiet Konventwali tar-Rabat, f’post provdut mill-Patrijiet Ġiżwiti ħdejn Sarria, il-Furjana, u fid-Dar ta’ San Ġużepp, il-Ħamrun. Ġieli sar użu wkoll mill-uffiċċju li Ivo Muscat Azzopardi kellu l-Belt. Fl-1950 il-laqgħat tal-kunsill u l-laqgħat akkademiċi bdew isiru f’dar b’żewġt ikmamar fi Triq l-Iskoċċiżi, il-Belt, li l-kera tagħha kienet imħallsa minn Ugo Muscat Azzopardi. Peress li miet wara ftit snin, għadd ta’ membri akkademiċi bdew jerfgħu l-piż finanzjarju huma.

Mal-ħatra ta’ Ġużè Galea bħala president fl-1942, intgħażel San Luqa bħala l-Patrun tal-Għaqda. Fil-Laqgħa Ġenerali li saret fil-15 ta’ Diċembru 1963 ġie deċiż li l-Għaqda tibda tissejjaħ l-Akkademja tal-Malti. Fl-1971 Galea kellu l-unur li, bħala president tal-Akkademja, jippreżenta teżi dwar l-oriġini tal-ilsien Malti quddiem il-Konferenza tal-Ilsna tal-Commonwealth f’Kingston il-Ġamajka.

Il-presidenti li kellha l-Akkademja matul is-seklu għoxrin sas-sena 2000 kienu Ġużè Muscat Azzopardi (1920 – 1927), Dun Karm Psaila (1927 – 1942), Ġużè Galea (1942 – 1973), Wallace P. Gulia (1974 – 1984), Patri Joseph Ghigo S.J. (1984 – 1995), u Achille Mizzi (1995 – 2000). Charles Briffa nħatar bħala l-president il-ġdid fil-11 ta’ Marzu, 2000. Fost il-Presidenti Onorarji tal-Akkademja nsibu lil Wallace P. Gulia, Ġanni Cilia, Rev. J.M. Ghigo S.J., u Ġużè Chetcuti.

Attivitajiet u inizjattivi oħrajn

Fit-3 ta’ Frar 1923 l-Għaqda organizzat kunċert fit-Teatru Manoel b’kollaborazzjoni mal-M.U.T., bl-iskop li jinġabru l-flus meħtieġa għall-istampar tal-Grammatika tal-Għaqda.  Dakinhar tkanta l-Innu Malti għall-ewwel darba u nħadmu xeni mill-ewwel u t-tieni att tad-dramm poetiku ‘Il-Fidwa tal-Bdiewa’ ta’ Ninu Cremona. Minkejja li din l-attività kienet riklam tajjeb għall-ilsien Malti, l-Għaqda tilfet il-flus minnha. Laqgħa akkademika saret fl-1 ta’ Marzu 1925 f’Palazzo De La Salle, u matulha Cremona qara l-kitba tiegħu ‘X’inhu l-Malti Safi’.

Fis-snin tal-gwerra komplew isiru laqgħat akkademiċi oħrajn bil-għan li tixxerred u titkattar il-letteratura Maltija bħal dawk li ġew organizzati fit-12 ta’ Frar 1939, fit-22 ta’ Diċembru 1940, u fit-18 ta’ Mejju 1941. Il-gwerra ġabet id-diffikultajiet li wieħed jistenna, imma d-determinazzjoni tal-membri u l-imħabba tagħhom lejn l-ilsien Malti ħeġġewhom jibqgħu għaddejjin b’ħidmiethom. Is-sena 1941 kienet waħda diffiċli ħafna, tant li l-kumitat iltaqa’ darbtejn biss u f’ħames darbiet oħra ma ntlaħaqx quorum. F’waħda mil-laqgħat fil-bidu ta’ April 1942, l-agħar xahar tal-attakki mill-ajru tul il-gwerra kollha, il-membri tal-kumitat raw il-mewt quddiem wiċċhom. Kien l-istess jum li matulu ġġarraf it-Teatru Rjal. Hemm kienu meta waqa’.

F’Settembru 1926 l-Għaqda nidiet l-ewwel konkors letterarju tagħha, li kien jittratta l-kitba tan-novelli. Il-premjijiet kienu normalment jikkonsistu f’kotba Maltin bil-għan li tinkoraġġixxi l-qari bil-Malti. Konkors letterarju ieħor sar fl-1943 għall-ballati miktuba bil-Malti, filwaqt li fl-1972 l-Akkademja organizzat konkors ta’ drammi għall-‘Premju Rothmans’. F’Settembru 1986 organizzat konkors ta’ kitba fuq ‘L-Influwenza ta’ Dun Karm fil-Letteratura Maltija’ sabiex tfakkar il-25 sena mill-mewt tal-poeta nazzjonali.

Fl-24 ta’ Novembru 1929 l-Għaqda ddeċidiet li tagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jibda juża l-ortografija tal-Għaqda fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tiegħu. Wara li fis-6 ta’ Settembru 1932 id-Direttur tal-Iskejjel Elimentari ta direttiva li l-Malti għandu jkun mgħallem b’mod li jservi bħala għajnuna għat-tagħlim tat-Taljan, fl-1 ta’ Ottubru 1932 l-Għaqda ppreżentat protesta qawwija permezz ta’ memorandum kontra din iċ-ċirkolari. Il-pressjoni li kienet qed tagħmel l-Għaqda żgur li kellha effett fuq l-għarfien li sa fl-aħħar ingħata l-Malti fl-1934, meta daħal bħala lsien uffiċjali fil-Qrati u bħala lsien ta’ tagħlim fl-iskejjel. Rebħa oħra li għamlet l-Għaqda kienet f’April 1941 meta l-ġurnal Leħen is-Sewwa beda juża wkoll l-ortografija tal-Għaqda. Fl-1943 ressqet memorandum quddiem il-Gvern dwar it-traduzzjonijiet legali bil-Malti, sabiex l-ilsien tagħna jitħaddem aktar bil-għaqal. Fl-1963 l-Akkademja, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti (Università), il-Moviment tal-Malti, l-Għaqda Letterarja Maltija u l-Għaqda Kittieba Żgħażagħ, għamlet talba lill-Gvern biex il-Malti jiġi rikonoxxut aħjar fl-Università. Il-Gvern emenda l-Kostituzzjoni tal-Università fl-1971, biex stabbilixxa l-Malti bħala lingwa uffiċjali tagħha.

Fis-26 ta’ Ottubru 1940 l-Għaqda kitbet lill-Gvern dwar il-kwistjoni tal-ismijiet tat-toroq ta’ Malta u Għawdex, u wriet id-diżappunt tagħha li l-ilsien Malti ma daħalx fl-ismijiet ġodda tat-toroq. Protesta oħra mal-awtoritajiet intbagħtet lid-Direttur tat-Tagħlim fis-6 ta’ Diċembru 1940, sabiex il-Malti jiddaħħal fil-klassijiet kollha tal-Liċeo u fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet. Din l-inizjattiva ma ntlaqgħetx minħabba diffikultajiet fis-sillabi u fl-iskedi tal-lezzjonijiet. L-Għaqda informat ukoll lid-Direttur tat-Tagħlim bid-dispożizzjoni tal-membri tagħha li jgħinu fit-tagħlim fl-iskejjel. Sabiex tħeġġeġ aktar it-tagħlim ta’ lsienna, matul is-snin kemm-il darba twaqqfu kummissjonijiet biex jistħarrġu l-qagħda tal-istudju tal-Malti fl-iskejjel. Wara l-ġbir tat-tagħrif meħtieġ, l-Għaqda kienet tgħaddi l-pariri tagħha lill-awtoritajiet.

Fit-2 ta’ Lulju 1944 ittellgħet waħda speċjali fis-Sala tal-Azzjoni Kattolika, il-Belt, fl-okkażjoni ta’ għeluq il-50 sena saċerdozju ta’ Dun Karm Psaila. Fis-snin ta’ wara l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti kompliet torganizza laqgħat simili u pranzi f’ġieħ personalitajiet li għamlu unur lill-ilsien Malti, fosthom Dun Karm, Ġużè Galea, Ninu Cremona u Pietru Pawl Saydon.

Fl-1945 Ġino Muscat Azzopardi waqqaf il-‘Premju Ġużè Muscat Azzopardi’ b’tifkira ta’ missieru. Fl-4 ta’ Awwissu ta’ kull sena, għeluq il-mewt tiegħu, kienet tingħata midalja tad-deheb, flus u diploma lil min kien ikun iddistingwa ruħu l-aktar għall-iżvilupp tal-ilsien Malti. Dun Karm Psaila kien ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni, filwaqt li Ninu Cremona, Ġużè Galea, Dun Pawl Galea, Ġużè Aquilina, Pietru Pawl Saydon, Karmenu Vassallo u Anton Buttigieg ġew ippremjati fis-snin ta’ wara. Is-serati ta’ premjazzjoni kienu jsiru fl-Università Rjali ta’ Malta u kien jiġi mistieden il-Gvernatur Ingliż biex jagħmel il-preżentazzjoni. Mal-mewt tal-fundatur, dan il-premju ma baqax jingħata iktar.

Fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Għaqda Kittieba tal-Malti, fl-1957 Dun Karm ingħata gratifikazzjoni mill-Gvern bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu. B’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ċiviku ta’ Ħaż-Żebbuġ u mal-benefattriċi Karmen Mikallef Buħaġar, fis-17 ta’ Ottubru 1965 l-Akkademja ħadet l-inizjattiva sabiex tinkixef irħama mad-dar fejn twieled Dun Karm fl-istess raħal. Nhar is-16 ta’ Ottubru 1966 ħadet ħsieb il-kxif ta’ rħama f’Tas-Sliema, bl-għajnuna finanzjarja ta’ Mikallef Buħaġar u bil-parteċipazzjoni ta’ diversi għaqdiet tal-Malti, sabiex tfakkar il-post fejn hu kien joqgħod għal 25 sena. L-Akkademja ħadet sehem attiv ukoll fl-okkażjoni tal-kxif tal-monument ta’ Dun Karm f’raħal twelidu fil-31 ta’ Ottubru 1971.

Fl-1986 saru bosta attivitajiet sabiex ifakkru l-25 sena mill-mewt tal-poeta nazzjonali. Fl-14 ta’ Ottubru nkixfet lapida f’ġieħ Dun Karm bħala parti minn akkademja mużikoletterarja li saret fil-knisja ta’ Ħaż-Żebbuġ. Matul l-istess ġimgħa, id-Direttur tal-Edukazzjoni laqa’ t-talba tal-Akkademja sabiex Dun Karm jitfakkar kif jixraq fl-iskejjel kollha. Ġiet ikkonċelebrata wkoll quddiesa għalih fil-Kattidral tal-Imdina nhar it-18 ta’ Ottubru, immexxija minn Dun Karm Sant, Viċi President tal-Akkademja. Bejn it-13 u t-18 ta’ Ottubru l-awtoritajiet tal-posta laqgħu t-talba tal-Akkademja u mmarkaw l-ittri bit-timbru “1961 – 1986 XXV Anniversarju mill-Mewt ta’ Dun Karm il-Poeta Nazzjonali”. Fit-28 ta’ Novembru tatu ġieħ billi organizzat lejla mużikoletterarja flimkien ma’ għaqdiet oħrajn. F’din l-attività Joe Zammit Mangion għamel diskors dwar ‘Dun Karm u l-Ilsien Malti’ f’isem l-Akkademja.

L-Akkademja tal-Malti fakkret ukoll kittieba Maltin oħrajn. Fis-27 ta’ Mejju 1965 tat ġieħ lil wieħed mill-fundaturi tagħha, Ninu Cremona, permezz ta’ akkademja mużikoletterarja fit-Teatru tal-Università, il-Belt, f’għeluq il-85 sena minn twelidu. Serata oħra simili saret fid-29 ta’ April 1988 meta fakkret lill-poeta Karmenu Vassallo fil-Foyer tat-Teatru Manoel. Din l-attività ttellgħet b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Għaqda Poeti Maltin u l-Ħeġġa Letterarja ’82, u kienet tinkludi wirja ta’ manuskritti ta’ dan il-poeta. Fit-30 ta’ Ġunju 1989 fakkret lit-tliet membri anzjani Ġanni A. Cilia, Ġorġ Pisani u Ġorġ Zammit b’lejla mużikoletterarja fil-Lukanda Phoenicia. Lejla mużikoletterarja oħra saret fit-23 ta’ Diċembru 1971 fit-Teatru Manoel, fl-okkażjoni ta’ għeluq il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-Għaqda.

Nhar l-20 ta’ Ġunju 1970 organizzat serata letterarja f’ġieħ Ġużè Muscat Azzopardi, l-ewwel president tal-Akkademja, u fis-27 ta’ Settembru 1970 ħadet ħsieb il-kxif u t-tberik ta’ rħama ta’ tifkira ma’ fejn kien joqgħod f’76 Triq Marsamxett il-Belt Valletta. Dawn l-attivitajiet saru b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ċiviku tal-Belt. Huwa ġie mfakkar ukoll mill-Akkademja fl-20 ta’ Novembru 1987 f’għeluq is-60 sena mill-mewt tiegħu b’lejla ta’ ġieħ li saret f’Dar l-Emigrant, il-Belt. Il-Prof. Oliver Friggieri għamel apprezzament letterarju aġġornat bl-isem ‘Ġużè Muscat Azzopardi: Ir-Rabta bejn il-Poeta u r-Rumanzier’. L-Akkademja fakkret ukoll lil Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fis-27 ta’ Ottubru 1971, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti (Università), billi kixfet irħama kommemorattiva fis-Sala tal-Librerija tal-Università.

Xandir għall-poplu

Fit-22 ta’ Mejju 1950 l-Akkademja ppreżentat l-ewwel xandira mis-sensiela ta’ programmi fuq ir-Rediffusion, bil-parteċipazzjoni ta’ Anton Buttigieg, Ġużè Chetcuti, Ninu Cremona, Ġużè Galea, Erin Serracino Inglott u Ġużi Abela. Permezz ta’ Ivo Muscat Azzopardi, bdiet ixxandar ukoll taħditiet u qari ta’ poeżiji, filwaqt li fl-1963 il-Kav. Albert Cassola xandar serje ta’ lezzjonijiet dwar it-tagħlim tal-ilsien Malti fuq it-televiżjoni. Fil-31 ta’ Diċembru 1979 bdiet sensiela ta’ erba’ programmi letterarji fuq ir-radju. Dawn kienu ‘Mill-Arkivji’ ppreżentat minn Anton Agius Muscat, ‘Kittieba ta’ Żmienna’ ppreżentat minn Anton Grasso, ‘Aħna u l-Malti’ ta’ Wallace P. Gulia u ‘L-Ilsien Malti’ minn Ġużè Diacono. F’April 1980 l-Akkademja ppreżentat sensiela ta’ tlettax-il programm televiżiv bl-isem ‘Ħarsa mill-Qrib’, fejn it-telespettaturi setgħu jsiru jafu aħjar għadd ta’ kittieba tal-Malti.

Kull meta ħasset il-ħtieġa, l-Akkademja tal-Malti ħarġet diversi stqarrijiet sabiex tħares l-interessi tal-ilsien Malti fuq il-mezzi tax-xandir. F’Marzu 1953 bagħtet memorandum lill-gazzetti u fih uriet id-diżapprovazzjoni tagħha għall-mod li bih kienu jiġu mxandra produzzjonijiet letterarji bil-Malti. Dan il-memorandum ġie ppubblikat fil-biċċa l-kbira tal-gazzetti, u bosta xirkiet u assoċjazzjonijiet issieħbu mal-fehma tal-Għaqda. Stqarrija simili ntbagħtet lill-ġurnali wara laqgħa ta’ studju bit-titlu ‘Il-Qagħda tal-Lsien Malti Llum’, li l-Akkademja kellha ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet letterarji, edituri u persuni involuti fix-xandir f’Malta, fid-Dar tal-Ġiżwiti f’Tarġa Gap, il-Mosta. Din saret fis-26 ta’ Novembru 1967 u minnha ħarġu diversi suġġerimenti validi għal trattament aħjar tal-lingwa Maltija. Saret enfasi kbira fuq il-ħtieġa li t-tfal ikollhom f’idejhom kotba tajbin bil-Malti. B’riżultat ta’ din il-laqgħa l-Akkademja ressqet għadd ta’ suġġerimenti lill-Ministru tal-Edukazzjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu biex jitjieb it-tagħlim tal-Malti, fosthom it-twaqqif ta’ kummissjoni biex tgħin lil min għandu l-ħila jikteb kotba bi lsienna li jiswew ta’ ġid għat-tagħlim tat-tfal.

Fis-27 ta’ Lulju 1970 intbagħat memorjal bl-isem ‘Malta fil-Lsien u l-Qalb, Malta Maltija’ lill-partiti politiċi kollha bit-tama li l-fehmiet dwar il-valuri patrijottiċi tal-poplu Malti jissaħħu dejjem aktar. Fil-laqgħa tal-kunsill tad-9 ta’ Ottubru 1989 ġie deċiż li l-Akkademja tal-Malti tiddeplora pubblikament in-nuqqas ta’ importanza li kien qiegħed jingħata l-Malti minn xi skejjel privati. F’Novembru 1998 l-Akkademja kkritikat il-fatt li “l-ilsien Malti qed jitħallat ma’ kliem u frażijiet ta’ ilsna oħra meta dan il-kliem jista’ jingħad jew jinkiteb bil-Malti.” F’dawn l-istqarrijiet ġew ikkundannati wkoll dawk il-preżentaturi li juru insensittività lejn il-Malti u jderru lill-poplu b’lingwaġġ ieħor, bħal meta jagħmlu traduzzjoni kelma b’kelma ta’ idjomi barranin minflok jużaw oħrajn Maltin li għandhom l-istess tifsira. Ġew trattati wkoll l-avviżi u r-reklami minħabba li, filwaqt li l-ġurnali bl-Ingliż f’pajjiżna jżommu l-identità lingwistika tagħhom, fil-ġurnali Maltin jibqgħu jidhru b’mod stunat reklami bl-Ingliż. Fil-kritika tagħha l-Akkademja offriet is-soluzzjoni li jitħarrġu nies biżżejjed li jkunu jistgħu jiżguraw ortografija tajba bil-Malti b’kompetenza u b’responsabbiltà.

L-Akkademja tal-Malti organizzat forum dwar ‘Il-Letteratura Maltija tal-Lum hi wild il-Letteratura Maltija tal-Bieraħ?’ fis-17 ta’ Frar 1968 fit-Teatru tal-Università, il-Belt. Għal din l-attività kien hemm parteċipazzjoni tajba mill-għaqdiet letterarji l-oħrajn. Nhar l-10 ta’ Novembru 1970 l-Akkademja stiednet rappreżentanti minn għaqdiet u movimenti tal-Malti fid-dar tagħha sabiex jiddiskutu ‘In-Nuqqas ta’ Kotba bil-Malti fl-Iskejjel’, fejn fost id-deċiżjonijiet l-għaqdiet kellhom jagħżlu nies imħarrġa fis-sengħa tal-kitba biex iħejju l-kotba għall-iskejjel. Bħala parti mit-tfakkir tal-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha, fis-7 ta’ Novembru 1972 l-Akkademja tat bidu għal sensiela ta’ laqgħat letterarji. Fil-11 ta’ Marzu 1973 organizzat seminar dwar ‘Il-Malti fil-Ġurnaliżmu’ fil-Kulleġġ tas-Sorijiet Dorotej fl-Imdina bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn diversi ġurnali, rivisti u organizzazzjonijiet tax-Xandir.

Fl-1975 l-Akkademja laqqgħet lill-pubbliku mal-kittieba tal-Malti permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat kulturali, bl-iskop li x-xogħol tagħhom ikun apprezzat aħjar. Organizzat ukoll taħdita pubblika dwar ‘L-Ortografija tal-Malti 1976’ fl-Iskola Sekondarja Għolja, il-Belt, fid-19 ta’ Mejju, 1976. Fl-14 ta’ April 1984 sar seminar f’Mount St. Joseph, Tarġa Gap, il-Mosta, dwar ‘Żieda mat-Tagħrif’, fuq l-ortografija ta’ neoloġiżmi Anglosassoni u Rumanzi fl-ilsien Malti. Il-pubbliku kellu l-opportunità jiddiskuti l-ktieb Ilsienna ta’ Dr Albert Borg f’laqgħa apposta li organizzat fl-Istitut Kattoliku l-Furjana nhar il-15 ta’ Frar 1989. Sar ukoll forum pubbliku dwar Ninu Cremona fis-Sala ta’ Din l-Art Ħelwa, 133 Triq Melita, il-Belt fl-20 ta’ Novembru 1990.

Fit-13 ta’Novembru 1999 l-Akkademja organizzat seminar nazzjonali dwar l-ilsien Malti bil-kollaborazzjoni mal-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni fis-Sala Paul Boffa f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta. Dan is-seminar kien jinkludi taħditiet bl-isem ‘Direzzjonijet Ġodda fl-Istudju tal-Malti’ mill-Prof. Albert Borg, ‘L-Evoluzzjoni tal-Letteratura Maltija’ mill-Prof. Oliver Friggieri, u ‘L-Influwenzi fuq il-Malti: sa fejn Għandna Naslu?’ minn Dr Manwel Mifsud.

Fir-rapport ‘Politika dwar il-Lingwa Maltija u l-Letteratura tagħha’, li l-Akkademja tal-Malti ressqet lill-Ministeru tal-Kultura f’Marzu 2000, ġie ssuġġerit li bil-għan li jogħla l-livell tal-kultura Maltija għandu jitwaqqaf Kunsill tal-Arti għal Malta (KAM), li jkollu rappreżentanza ta’ istituzzjonijiet kompetenti f’oqsma artistiċi differenti. Fost is-suġġerimenti li dan ir-rapport jinkludi, insibu l-promozzjoni u t-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti, l-għajnuna soċjali u ekonomika lill-awturi, it-tqegħid ta’ xogħlijiet fuq l-internet u l-ħarsien tal-wirt letterarju.

Il-pubblikazzjonijiet speċjali

L-Akkademja ppubblikat ħarġa speċjali ta’ Il-Malti (Jannar – Ġunju 1984) iddedikata liż-Żieda mat-Tagħrif, li kienet tittratta l-aktar l-ortografija ta’ kliem ta’ nisel Rumanz u Anglo-Sassonu, kif mgħoddija mill-Akkademja fl-14 ta’ April 1984. Kopji ta’ din il-pubblikazzjoni tqassmu fl-iskejjel statali, lill-edituri tal-ġurnali kollha u lil Xandir Malta. Fl-1992 ħarġet l-Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, regoli li aġġornaw is-sistema tal-alfabett.

Wara li fl-1993 l-Akkademja ppubblikat ġabra ta’ poeżiji ta’ Ġorġ Borg, bl-isem Fjur tal-Ilma – Poeżiji 1979-1992, fl-1998 il-Kummissjoni Lingwa fi ħdanha ġabret it-tliet dokumenti (it-Tagħrif, iż-Żieda u l-Aġġornament) fi ktieb wieħed – ir-Regoli tal-Kitba tal-Malti. Dan il-ktieb fih ġabra siewja ta’ 108 regoli f’21 tema, u huwa ta’ għajnuna kbira għal kull min irid jikteb b’Malti tajjeb. Fis-sena 2000 l-Akkademja ppubblikat Ilsien Qadim f’Millennju Ġdid, ġabra ta’ taħditiet fuq l-ilsien Malti ppreżentati fis-seminar organizzat minnha f’Novembru tal-1999.

Bħal kull għaqda oħra l-Akkademja tal-Malti għaddiet minn żmien li fih kienet qiegħda teżisti u mhux tgħix ir-rwol tagħha. Dan kien jinħass l-aktar fil-bidu tas-sebgħinijiet, meta bdew isirulha appelli sabiex tieħu l-inizjattiva meħtieġa u tirranġa s-sitwazzjoni xejn pjaċevoli li kienet tinsab fiha l-ortografija ta’ lsien pajjiżna. Xi kritiċi jsostnu li l-Akkademja kienet passiva għall-aħħar.

Fl-1961 il-kwartieri l-ġodda tal-Għaqda bdew jikkonsistu f’żewġt ikmamar żgħar f’Palazzo Carafa, fi Triq l-Ifran, il-Belt, li l-kera tagħhom bdiet tkun imħallsa wkoll mill-membri akkademiċi. Fl-1996 saru sforzi sabiex l-Akkademja jkollha d-dar tagħha. Dwar dan, il-kunsill kellu laqgħat mal-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, l-E.T. l-Avukat Ugo Mifsud Bonnici, kif ukoll mal-Prim Ministru Dr Alfred Sant bit-tama li l-Akkademja tal-Malti jkollha residenza uffiċjali minn fejn tista’ tmexxi l-ħidma tagħha aħjar.

Għeluq

Il-missjoni tal-Akkademja tal-Malti hija differenti minn dik ta’ movimenti oħrajn tal-Malti li eżistew matul is-seklu għoxrin. Is-snin twal ta’ ħidma huma xhieda biżżejjed ta’ kemm kienet strumentali fl-iżvilupp tal-ilsien Malti. Irnexxielha tfassal u tistabbilixxi ortografija waħda u tħabrek sabiex il-Malti jkun lingwa uffiċjali fl-amministrazzjoni tal-pajjiż. Tant kienet influwenti, li minnha ħarġu diversi għaqdiet u inizjattivi oħrajn kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.