Messaġġ lill-imsieħba fi żmien il-pandemija tal-Coronavirus

Għeżież membri,

Kif tafu, ilkoll ninsabu f’ċirkostanzi straordinarji.

Matul dawn l-aħħar xahrejn għamilna li stajna biex inżommu l-ħidma tagħna f’dak li nemmnu fih għaddejja, kultant b’mod remot u bl-użu tat-teknoloġija. Minkejja l-isfidi li kellna nħabbtu wiċċna magħhom, għandna l-ħarġa letterarja ta’ Il-Malti 2018 lesta għall-istampa, qed inżommukom aġġornati fuq il-ħidma tagħna kemm permezz tas-sit tal-Akkademja tal-Malti kif ukoll mill-paġna tagħna tal-Facebook.

Bħalissa qed isir aġġornament kontinwu fuq is-sit tal-Akkademja tal-Malti u minn hemm tistgħu ssegwu u tisimgħu bosta mit-taħditiet u s-seminars li organizzajna fil-passat, flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-ħidma tagħna. Bi pjaċir ngħarrfukom ukoll li għaddej xogħol kontinwu ma’ Heritage Malta marbut mal-wirja dwar l-Ilsien Malti – mill-bidu sal-għarfien uffiċjali – u diġà tlestew erba’ edizzjonijiet ta’ Il-Portal marbutin mal-wirja. Din il-kollaborazzjoni kienet maħsuba bħala parti mill-attivitajiet taċ-ċentinarju u tistgħu taqraw il-materjal li nħadem sa issa fis-sit uffiċjal tal-Akkademja.

L-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Akkademja tal-Malti ġie mdellel bil-pandemija tal-Coronavirus li ġab bosta pajjiżi għarkupptejhom. M’aħniex iżolati mill-bqija tad-dinja, il-ħajja ta’ kuljum inbidlet bil-bosta u kellna naddattaw għal miżuri drastiċi għall-ġid tagħna. Ħafna minna ilna ma noħorġu minn djarna, qtajna r-rutina li ġġibilna ftit tal-istabilità f’ħajjitna u ma jistax jonqos li jiġu mumenti ta’ ansjetà għal li jista’ jiġi fuqna.

B’xorti tajba, ktieb tajjeb nistgħu nibagħtu għalih u jasal ftit sigħat wara fuq l-għatba ta’ darna. Għal dawk li jużaw il-midja soċjali, se jsibu l-ħin sabiex japprezzaw versi u kitbiet qosra. Mezzi ta’ komunikazzjoni jservu biex insellmu b’mod virtwali lil xulxin. Huwa żmien ta’ riflessjoni, ta’ kwiet u apprezzament tal-aktar affarijiet bażiċi.

Jalla tgħaddi minn fuqna ma ddumx dis-sħaba sewda u nkunu nistgħu niltaqgħu ħalli niċċelebraw bix-xieraq dan iċ-ċentinarju flimkien. Għad noħorġu minn din il-pandemija u nkunu nistgħu nħarsu lura kburin li konna xhieda ta’ din it-traġedja umana madwar id-dinja, mingħajr ma qtajna qalbna. Flimkien inħarsu b’ottimiżmu lejn il-futur ta’ serħan il-moħħ.

Nieħdu din l-okkażjoni biex nistednukom tibagħtu kitbiet tagħkom għall-ħarġa letterarja  ta’ Il-Malti 2020.  Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu permezz tal-posta elettronika f’dan l-email: info@akkademjatalmalti.org jew fl-indirizz postali: ‘Dar Doreen Micallef’, 12, Flat 1, Triq Sant’Andrija, Il-Belt Valletta VLT 1341 sal-aħħar ta’ Ġunju 2020.

Il-kitbiet li jistgħu jkunu kemm proża, poeżija jew traduzzjoni ta’ test letterarju għandhom ikunu oriġinali u ma dehru ppubblikati mkien qabel id-data tal-għeluq.

Nixtiqulkom is-saħħa.

Il-Kunsill

20 ta’ Mejju 2020

One thought on “Messaġġ lill-imsieħba fi żmien il-pandemija tal-Coronavirus

  1. Intom, L-Akkademja tal-Malti, eroj intom ukoll ta’ dan iz-zmien, ghax minkejja dawn il-waqtiet koroh tal-pandemija, bqajtu ssahhu u ggeddu l-Ilsien Malti u l-Letteratura Maltija b’imhabba fl-impenn taghkom. Nizzikom hajr minn qalbi.

    B’Imhabba:

    mario

    Like

Leave a Reply to mgriscti3@onvol.net Cancel reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.