Fetħu l-applikazzjonijiet għad-Diploma fil-Letteratura Maltija

Il-Qari Kritiku, l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Letteratura Maltija

Fetħu l-applikazzjonijiet għad-Diploma fil-Letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta li se tibda f’Ottubru li ġej. Dan il-kors part-time ta’ filgħaxija, b’żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa ta’ tliet sigħat il-waħda, it-Tnejn u l-Erbgħa, huwa mifrux fuq sentejn. Il-kors jiftaħ darba kull sentejn u qed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. BNF Bank u l-Kunsill Malti għall-Arti qed joffru l-għajnuna finanzjarja tagħhom lill-istudenti li jmorru tajjeb fid-Diploma.

Id-Diploma tiffoka fuq l-analiżi u t-tħaddim tal-letteratura fis-seklu 21 u toffri bosta elementi differenti minn dawk tal-Baċellerat fil-Malti. Dawk li huma interessati jistgħu japplikaw billi jidħlu f’din il-paġna tas-sit tal-Università minn issa sa qabel id-19 ta’ Lulju li ġej fis-2.00pm: www.um.edu.mt/apply.

L-applikanti għal dan il-kors universitarju bil-Malti jeħtieġu grad C jew ogħla fil-livell Avvanzat tal-Malti. Jistgħu japplikaw ukoll (mingħajr il-Livell Avvanzat fil-Malti) dawk li jkunu għalqu t-23 sena qabel il-ftuħ tal-kors: dawn l-istudenti maturi tkun li ssirilhom intervista mid-Dipartiment tal-Malti. Fl-applikazzjoni elettronika l-applikanti jridu jniżżlu l-indirizz elettroniku li jaraw regolarment. Dawk li għandhom ċertifikat tal-Malti fil-Livell Avvanzat iridu jindikaw il-grad li kisbu.

Il-letteratura Maltija u l-istudju tagħha qed jaraw qawmien ġdid. Qed isir ħafna xogħol importanti kemm fl-istudju tal-lingwa u l-letteratura Maltija kif ukoll fl-oqsma tal-pubblikazzjoni, il-kitba kreattiva u t-tagħlim tagħha, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti letterarji nazzjonali u internazzjonali bis-sehem tal-awturi Maltin, u x-xandir tal-letteratura Maltija permezz ta’ mezzi differenti. Din id-Diploma għandha l-għan li tħejji lill-istudenti għal dawn ir-realtajiet analitiċi u kreattivi tas-seklu 21, u tiftaħ toroq ġodda għall-arti tal-kelma.

Dan il-kors huwa maħsub għal nies impjegati f’diversi setturi kulturali, artistiċi, u kreattivi relatati mal-preżentazzjoni pubblika ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti. Huwa maħsub ukoll għal dawk li għandhom interess jaqbdu l-kitba kreattiva bis-serjetà, u dawk li għandhom sehem attiv fl-addattament tal-letteratura Maltija għal forom artistiċi u dixxiplini oħra. Se jinteressa wkoll lil dawk li sempliċiment għandhom passjoni għal-letteratura u jixtiequ jkabbru l-għarfien tagħhom tal-forom ta’ kitba kreattiva bil-Malti,  kemm tal-imgħoddi kif ukoll tal-preżent.

Bi ftehim mad-Dipartiment tal-Malti, BNF Bank se jħallas il-miżata, sa massimu ta’ 2000 ewro, tal-kors tal-istudent jew l-istudenta li tiġi l-ewwel fil-kors, waqt li l-Kunsill Malti għall-Arti se jagħti għajnuna finanzjarja għall-aħjar erba’ proġetti tal-istudenti fit-tieni sena tal-kors.

L-ewwel studenti ta’ din id-Diploma huma kuntenti ħafna bil-kors. L-għalliem Noel Tanti jgħid li l-iktar ħaġa li apprezza fil-kors hija li hemm “sfond b’saħħtu ta’ teorija” li għenu jorbot il-letteratura kontemporanja u kittieba kontemporanji ma’ xogħol u kittieba li huma iktar antiki. Għenu wkoll jorbot il-letteratura Maltija ma’ letteraturi oħrajn. “Barra minn hekk, apprezzajt ħafna wkoll l-appoġġ kbir li sibt min-naħa tad-Dipartiment u min-naħa ta’ sħabi tal-kors.”

Studenta oħra, Daniela Attard Bezzina, li taħdem maċ-Ċivil, qalet hekk: “Qabel bdejt il-kors, kont ħsibt li se noqogħdu niddiskutu r-rumanzi u l-poeżiji biss. Fir-realtà għamilna ħafna aktar minn hekk. Tgħallimna dwar bosta teoriji letterarji u kif napplikawhom għax-xogħol letterarju, u mraħna f’oqsma bħall-istorja, is-soċjoloġija u t-teatru. Tiżwiqa sabiħa li ġġiegħlek tħoss li tliet sigħat lezzjoni taru, avolja tkun għadek ġej minn ġurnata xogħol. Ma nistax ngħid li l-bidu ma kienx iebes, iżda issa li bdejna naħsdu l-ewwel frott tal-istudji tagħna, mhux talli nħoss sodisfazzjon kbir li lestejt l-ewwel sena, talli nixtieq li l-kors kien itwal u mhux fadalli sena waħda biss!”

Id-deskrizzjoni dettaljata u avviżi oħra fuq il-kors jidhru kemm fuq is-sit tal-Università, www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/diploma-letteratura, kif ukoll fuq Facebook, www.facebook.com/uom.diplittmalt. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb b’ittra elettronika lil malti.arts@um.edu.mt jew b’telefonata lin-numru 2340 3387.

Id-disinn tal-materjal promozzjonali tad-Diploma sar minn Panda Design u r-ritratti ttieħdu minn Giola Cassar.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif anness. M’għandix dubju mill-importanza, s-serjeta’ u d-dixxiplina ta’ dan il-kors.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s