MIDALJA TAD-DEHEB
“ĠIEĦ L-AKKADEMJA TAL-MALTI”
LILL-MONSINJUR LAWRENZ CACHIA

14 TA’ NOVEMBRU 2017
– JUM L-AKKADEMJA TAL-MALTI –

Mons Lawrenz Cachia twieled Ħaż-Żebbuġ fl-1932. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo (tal-Ħamrun u tal-Belt) u aktar tard l-Università ta’ Malta, minn fejn kiseb il-Liċenzjat fit-Teoloġija. Ħa l-quddiesa fl-1956. Qeda d-dmirijiet pastorali tiegħu bħala Kappillan tal-Gudja (1959–1963) u bħala Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ (1963–1983). Fl-1984 inħatar membru tat-Tribunal taż-Żwiġijiet, kariga li baqa’ jżomm għal 22 sena sħaħ, sewwasew sas-sena 2006. Fl-1994 ingħata t-titlu ta’ Monsinjur bħala membru tal-Kapitlu tal-Katidral. Illum huwa rtirat fid-Dar tal-Kleru fejn daħal 16-il sena ilu.

Bħala president tas-Soċjetà Christus Rex, Mons. Cachia kien wieħed mill-fundaturi tar-rivista Pastor u għal bosta żmien serva fil-bord editorjali tiegħu. Is-sehem tiegħu f’din ir-rivista ħeġġitu jidħol aktar fil-fond fl-istudji teoloġiċi, b’neċessità jkolli ngħid. Ta sehmu wkoll fil-qasam tax-xandir; fil-fatt, kien involut f’diversi serje ta’ programmi reliġjużi fuq Radju Malta u wara, anki fuq l-RTK. Wara li rriżenja minn Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ daħal fil-Fraternità ta’ Charles de Faucauld u beda jieħu ħsieb ir-rivista tal-istess fraternità. Fl-1996 il-Gvern onora lill-Mons. Cachia billi ħatru Membru tal-Ordni tal-Mertu għax-xogħol tiegħu b’risq l-Ilsien Malti.

Ħidma sfiqa ta’ Mons. Cachia fil-kamp lingwistiku u letterarju

Ma setax jonqos li bħala Żebbuġi jinteressa ruħu fil-ħajja u x-xogħol ta’ Dun Karm Psaila u Mikiel Anton Vassalli, Żebbuġin bħalu. Fuq il-poeta nazzjonali ħareġ tliet kotba: Dun Karm: Il-Poeta Nazzjonali – Antoloġija Kkummentata (1999), Dun Karm: Il-Ħajja tal-Poeta Nazzjonali (2011), u Dun Karm Bħala Qassis (2013). Anki fuq Vassalli ħareġ tliet kotba: Mikiel Anton Vassalli: Ħajtu fil-Qosor (1988), traduzzjoni ta’ Il-‘Grammatica Melitensis’ ta’ Mikiel Anton Vassalli (1996), u edizzjoni tal-‘Lexicon’ jew Dizzjunarju Malti-Latin-Taljan (2016).

Studji oħra li jmissu mal-Ilsien Malti jinkludu: Il-Verb fil-Malti: Studju dwar il-Forom (1984), Grammatika Ġdida tal-Malti (1994), L-Ilsien Malti: Ilbieraħ u Llum (1994), edizzjoni ta’ L-Ewwel Dizzjunarju Malti tal-Kavallier Thesan (1999), Ħabbew l-Ilsien Malti (2000) u Ilsna Semitiċi (2004).

Kif wieħed jista’ jobsor, Mons. Cachia tana wkoll diversi kotba oħra ta’ natura reliġjuża. Dawn jinkludu: Missirijiet il-Knisja (1997), Il-Bibbja Bħala Letteratura (2001), u L-Istorja tal-Kotba Mqaddsa Maqlubin għall-Malti (2013). Fl-1991 kien ittraduċa Il-Kantiku Spiritwali ta’ San Ġwann tas-Salib. L-aħħar xogħol tiegħu huwa Il-Konċilji Ekumeniċi (2017).

Iċ-ċerimonja tal-investitura saret mill-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fis-Sala Antoine de Paule, fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Wara ċ-ċerimonja, membri tal-Akkademja tal-Malti ppreżentaw pubblikazzjonijiet tagħhom għal-Librerija Anton Buttigieg li tinsab fl-istess Palazz.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif anness. Indubbjament illi Mons. Lawrenz Cachia jixraqlu dik il-midalja mdieheba Ġieħ l-Akkademja tal-Malti, għall-imħabba bla kundizzjoni tiegħu lejn ilsienna.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s