Dan huwa rumanz li jirrakkonta vjaġġ ta’ mħabba, qlubija u vittorja… li nkiteb biex ifakkar il-75 anniversarju mill-wasla glorjuża tal-Konvoj ta’ Santa Marija.

Ir-rakkont huwa msejjes fuq ġrajja storika li seħħet tassew. Ġrajja mimlija battalji u taqbid. Ġrajja ta’ vjaġġ mimli saram u ta’ nies qalbiena li b’sogru kbir, salvaw lil Malta milli ċċedi f’idejn l-għadu. Avveniment storiku li baqa’ dejjem jiġi mfakkar bl-akbar għożża u devozzjoni mill-Maltin.

Minbarra l-istorja ta’ mħabba li tkompli żżewwaq ir-rakkont, dan ir-rumanz jagħti wkoll stampa aktar ċara ta’ dak kollu li seħħ minn xħin dan il-konvoj salpa mill-Iskozja. Operazzjoni li fiha ħadu sehem mas-sittin biċċa tal-flotta navali Ingliża biex jeskortaw erbatax-il bastiment merkantili tal-konvoj mgħobbijin b’kull xorta ta’ provvisti, li riedu jaslu Malta bilfors – akkost ta’ kollox!

Huwa u jaqra, il-qarrej se jsib ruħu fost l-ekwipaġġ qalbieni tal-Ohio u jħoss l-emozzjonijiet li għaddew minnhom huma waqt l-attakki li seħħew lejl u nhar mill-ajruplani, mis-sottomarini u anki mill-E-boats tal-għadu, f’rotta li parti minnha kienet miżgħuda wkoll bil-mini taħt wiċċ il-baħar. Il-qarrej ma jdumx ma jirrealizza għaliex il-Maltin minn dejjem qiesu l-wasla ta’ dan il-konvoj bħala waħda mirakoluża, wara vjaġġ mimli battalji ħorox li fih il-Ġermaniżi u t-Taljani rnexxielhom jgħerrqu bosta bastimenti bil-konsegwenza li tilfu ħajjithom mijiet ta’ nies. Baħrin ta’ kull età li f’ħakka t’għajn sabu ruħhom jgħumu waħedhom f’nofs ta’ baħar, litteralment f’ħalq il-mewt wara li l-bastimenti li kienu fuqhom intlaqtu u nbidlu f’balla nar. Permezz ta’ dan ir-rumanz, l-awtur jixtieq juri lill-qarrej kemm il-poplu Malti għandu għal xiex japprezza u jibqa’ grat lejn dawn l-eroj qalbiena.

Din il-ġrajja hija rrakkuntata mill-għajnejn ta’ żewġ maħbubin li fl-avventura taż-żgħożija tagħhom, rikbu bil-moħbi fuq l-Ohio – l-uniku tanker ta’ dan il-konvoj li kien qiegħed iġorr il-fuel – bit-tama li jiġu Malta. Mur għidilhom liema perikli kien hemm lesti għalihom, speċjalment kull darba li l-Ohio kien jisfa fil-mira prinċipali tal-għadu. Żgur li qatt ma kienu basru ma’ xiex kien se jkollhom iħabbtu wiċċhom sakemm jaslu – jekk jaslu!

Qabel ma faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Marija, tfajla Maltija kellha tmur tgħix ġewwa l-Iskozja. Missierha kien intbagħat mill-Ammiraljat Ingliż biex jaħdem f’waħda mit-tarzni prinċipali fejn kienu jitħejjew il-bastimenti tal-konvojs tal-Alleati. Hemmhekk tiltaqa’ ma’ James, ġuvni Inġliż b’saħħtu, kuraġġuż u sabiħ, li huwa wkoll ikun impjegat fl-istess tarzna. It-tifkiriet sbieħ ta’ Malta ta’ tfulitha, Marija kienet baqgħet toħlom bihom. Tant li lil James kienet dejjem twebblu bil-ġmiel li kienet tgħix fih hi meta kienet għadha toqgħod San Pawl il-Baħar.

Meta mbagħad l-ajruplani Ġermaniżi bdew jattakkaw u jħarbtu ż-żona kollha ta’ madwar it-tarzna, dawn iż-żewġ żgħażagħ inqabdu f’infern sħiħ. Mhux ta’ b’xejn li meta James skopra li t-tanker li kien qiegħed jaħdem fuqu dalwaqt kien se jsalpa lejn Malta, dawn iż-żewġ maħbubin għamlu minn kollox biex rikbu bil-moħbi fuqu ħalli jfittxu jitilqu mill-Iskozja. B’hekk jaħarbu mill-ħbit tal-għadu u jkunu jistgħu jibdew ħajja ġdida flimkien ġewwa Malta.

Imma minn ġot-taġen sabu ruħhom litteralment – ġon-nar!

Tgħid kien se jirnexxilhom isalvaw mill-qilla tal-għadu? Il-ħolma mqanqla mill-imħabba tagħhom li jgawdu ’l xulxin għall-kumplament ta’ ħajjithom, kienet se sseħħ? U fuq kollox, tgħid kien se jirnexxilhom jaslu Malta qawwijin u sħaħ, u speċjalment… it-tnejn li huma?

Għax dak li d-destin kellu miktub għalihom… ma seta’ jħassru ħadd!

Hekk kif jintemm ir-rumanz, il-ktieb jinkludi wkoll xi materjal li jikkumplimenta l-ġrajja. Dan jinkludi ritratti storiċi, mappa li turi r-rotta tal-konvoj u tindika wkoll fejn ġew attakkati u mgħerrqa l-vapuri, ftit tagħrif ġenerali dwar is-sitwazzjoni tal-gwerra li kienet qiegħda tiddomina ċ-ċentru tal-Mediterran, kif ukoll lista tal-bastimenti militari kif ukoll merkantili li ħadu sehem f’Operation Pedestal, bl-ammonti tan-nies li mietu fuqhom.

Dan huwa r-raba’ rumanz ta’ Michael Cini. Fl-ewwel pubblikazzjoni tiegħu Preżenza – Inti Temmen fil-Ħares? l-awtur ilaqqa’ lill-qarrej ma’ ruħ ta’ omm li tkun għadha ma tistax issib il-mistrieħ ta’ dejjem, qabel ma xi ħadd jiskopri kif kien għeb binha ta’ seba’ snin taħt ċirkustanzi misterjużi. Rumanz li reġa’ ġie ppubblikat bħala best-seller. Fuq tema storika, fit-tieni rumanz tiegħu Ix-Xafra tad-Destin – L-Imdina 1565, l-awtur jgħaddi lill-qarrej mill-bieb tal-istorja, irikkbu fuq wieħed miż-żwiemel tal-Kavallerija tal-Ordni biex idaħħlu jieħu sehem miegħu f’avventura qalbiena fi żmien l-Assedju l-Kbir ta’ Malta tal-1565. U fuq tema totalment differenti miż-żewġ rumanzi ta’ qablu, fit-tielet rumanz tiegħu Skjava …fil-ktajjen tal-imħabba jippreżenta lill-qarrej ġrajja senswali mqanqla mill-emozzjonijiet tal-imħabba, li biex iżżomm ħajja, trid tibqa’ dejjem tissielet kontra t-tentazzjonijiet, l-abbużi… u l-infedeltà!

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif. KONVOJ jidher li hi pubblikazzjoni interessanti, bi sfond storiku u ġrajja ta’ mħabba, ingridjenti li jagħmlu ktieb, kalamita tal-qarrejja.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s