Walid Nabhan Jirbaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2017


Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2017 għadu kemm tħabbar. Dan huwa premju prestiġjuż li kull sena jingħata lil tnax-il kittieb jew kittieba mill-Ewropa b’rikonoxximent tal-produzzjoni letterarja tagħhom fl-aħħar ftit snin. Bħalma jiġri darba kull tliet snin din is-sena kien imiss lil Malta tagħżel wieħed mir-rebbieħa minn fost il-kittieba Maltin. L-għażla waqgħet fuq l-awtur Walid Nabhan, kittieb li twieled il-Ġordan f’familja ta’ refuġjati Palestinjani u li ilu ħafna snin jgħix Malta, tant li kiseb iċ-ċittadinanza Maltija. Nabhan jikteb bil-Malti u ppubblika żewġ ġabriet ta’ novelli, ktieb ta’ poeżiji u r-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji (ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin fl-2013) li għalih ingħata dan il-premju. Walid Nabhan qaleb ukoll diversi xogħlijiet letterarji kontemporanji Maltin għall-Għarbi.

L-Eżodu taċ-Ċikonji huwa rumanz dwar raġel Palestinjan imwieled f’kamp tar-refuġjati fil-Ġordan li sab ruħu jgħix Malta. In-narratur jinseġ ir-rakkont tiegħu madwar l-esperjenzi tiegħu ta’ barrani f’Malta u ta’ refuġjat f’komunità kbira ta’ Palestinjani fil-Ġordan, imma jdaħħal ukoll l-istorja tal-familja tiegħu fil-perjodu meta kienet għadha tgħix fil-Palestina. Huwa rakkont li jenfasizza r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin f’sitwazzjonijiet diffiċli, imma huwa wkoll rakkont politiku għaliex kulma jseħħ fir-rumanz iseħħ għax xi darba xi ħadd bil-poter f’idu ħa deċiżjoni politika, u għaliex deċiżjonijiet politiċi żbaljati li jaffettwaw il-ħajjiet tan-nies għadhom isiru kuljum, fuq kull livell. Waqt li jikteb rumanz serju u impenjattiv, Nabhan iżewwaq in-narrattiva tiegħu b’mumenti liriċi mill-isbaħ u jirnexxilu jsib l-umoriżmu anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar imwiegħra.

F’Malta, dan il-premju huwa rrappreżentat mill-Akkademja tal-Malti li hija membru tal-Kunsill Ewropew tal-Kittieba (EWC). L-Akkademja taħtar ġurija indipendenti kull tliet snin sabiex tagħżel ir-rebbieħ minn Malta. Din is-sena l-ġurija kienet magħmula minn Prof. Stella Borg-Barthet, Dr Stephen Bonanno, ir-Rev. Norbert Ellul Vincenti, Dr Marco Galea (President) u Dr Adrian Grima. Il-konsorzju li jorganizza l-premju fuq livell Ewropew, minbarra l-EWC, huwa magħmul mill-Federazzjoni Ewropea u Internazzjonali tal-Bejjiegħa tal-Kotba (EIBF) u mill-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FEP). Il-kittieba rebbieħa jingħataw premju ta’ €5000 u jkollhom diversi opportunitajiet biex iressqu x-xogħol tagħhom quddiem qarrejja Ewropej. Il-premju huwa ffinanzjat mill-Programm Ewropa Kreattiva.

Iż-żewġ rebbieħa preċedenti Maltin kienu Immanuel Mifsud (2011) u Pierre J. Mejlak (2014).

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to Walid Nabhan Jirbaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2017

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif. M’għandi l-ebda dubju, li Walid jixraqlu prestiġju bi premju bħal dan. Illum Malti daqsna, u moħħ dinji.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s