Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim

Nhar it-Tlieta, 21 ta’ Marzu 2017, fis-6.00pm, il-Prof. Manwel Mifsud se jagħmel taħdita bl-isem ta’ “Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim,” fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq. Din hija t-tmien taħdita mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Id-dħul huwa b’xejn.

Il-kamra fejn se ssir din it-taħdita titħabbar fil-jiem li ġejjin.

Fredu Spiteri (1929-1965), magħruf bħala “il-Lavarist” jew “Tal-Pitrolju”, kien għannej u makkjettist Għawdxi mill-aħjar u l-ħila ta’ kelmtu u s-simpatija kbira tiegħu kienu jiġbdu warajh il-folol Għawdxin u Maltin, kemm fis-serati u l-konkorsi tal-għana kif ukoll fil-jiem tal-Karnival. Imma billi miet ħesrem ta’ 35 sena u ma laħqux saru diski tiegħu, tista’ tgħid li llum jaħasra ntesa. Mill-makkjetti tiegħu, madankollu, għadna nistgħu napprezzaw il-ħila tiegħu, kif ukoll is-sehem ewlieni li kellu fl-iżvilupp tal-makkjetta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, żmien li laqqa’ flimkien ħafna kurrenti mużikali, lokali u barranin.

Iktar mid-diskors tal-kelliem – li se jkun ftit – din it-taħdita għandha toffri lil min jattendi l-opportunità rari li jisma’ u japprezza siltiet ta’ wieħed mill-aqwa persunaġġi tal-ispettaklu Malti f’reġistrazzjonijiet rari miġbura bit-tbatija matul is-snin.

Il-Prof. Manwel Mifsud huwa awtorità ewlenija fuq l-Ilsien Malti. Għal ħafna snin kien il-kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università u l-ewwel president tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Kien ukoll is-segretarju tal-għaqda internazzjonali tad-djalettoloġija Għarbija, AIDA (Association Internationale de Dialectologie Arabe), u editur tal-atti tal-konferenzi tagħha. L-oqsma ta’ riċerka li jinteressawh l-aktar huma l-istorja tal-ilsien Malti, il-morfoloġija tiegħu (sinkronika u dijakronika), il-kuntatt bejn l-ilsna, u t-tifsil għal-lingwa. Bil-pubblikazzjoni tal-ktieb Loan Verbs in Maltese: A Descriptive and Comparative Study (Leiden: E.J. Brill, 1995), qiegħed l-istudju tal-morfoloġija mhux Għarbija fuq sisien xjentifiċi. Ilu s-snin imexxi l-programm popolari fuq radju RTK, Seħer il-Malti, u huwa midħla sew tal-qasam tal-mużika popolari.

Hemm aktar tagħrif dwar din it-taħdita u dwar “It-Tradizzjoni Orali – L-Università ta’ Malta” fuq Facebook u fuq is-sit tradizzjonioraliblog.wordpress.com.

 

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif mehmuż. Għannej bħal Fredu Spiteri (il-Lavarist) jew (Tal-Pitrolju) li ltaqa’ ħesrem mal-isfortuna ta’ mewtu f’eta’ relattivament bikrija jew żgħażugħa, jixraq li jitfakkar b’dinjita’ personali u storika. Prof. Manwel Mifsud hu awtorita’ fl-istudji dijalettiċi Maltin u bniedem li tassew iħobb u jishar b’imħabba eżemplari, għall-ilsien tagħna u jitfa’ dawl xieraq fuq personalitajiet li ż-żmien jew l-isfrenar kontemporanju, nessa’.

    L-għannejja huma l-poeti tal-fomm u anki l-mibki poeta Karmenu Vassallo kien jirrikonoxxihom bħala poeti.

    Mhux kull għanja tista’ titqies bħala poeżija, imma hemm bosta għanjiet li jagħmlu ġieħ lill-letteratura tagħna. Għal grazzja t’Alla, spiċċa ż-żmien fejn l-għana kien meqjus bħala spettaklu tal-baxxi.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s