IL-Qtil ta’ Patri Viċenz Grimani

Nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Jannar 2017, bejn is-6.00pm u t-8.00pm, se jsir seminar pubbliku dwar “Il-Qtil ta’ Patri Viċenz Grimani,” bis-sehem ta’ erba’ akkademiċi ewlenin, għannej, u żewġ kitarristi. Dan is-seminar huwa miftuħ għall-pubbliku inġenerali u se jsir fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq. Din il-Librerija tinsab fit-tieni sular tal-bini tal-Arti (Old Humanities), wara t-teatru Temi Zammit. Id-dħul huwa b’xejn u fl-aħħar se jkun hemm bibita.

poezija

unnamed

Il-fatt dwar il-qtil tal-Patri waqt it-tnedija ta’ Min Qatel il-Patri?

Dan is-seminar jistħarreġ ir-relazzjoni bejn il-qtil brutali ta’ Patri Viċenz Grimani fl-1738 u l-fatt bil-Malti li beda jitgħanna fil-jiem ta’ wara. Fuq il-bażi tal-ktieb storiku-narrattiv Min Qatel il-Patri?, ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin, l-awturi Marlene Mifsud Chircop u Mark Montebello jiddiskutu l-kuntest letterarju, storiku u kulturali ta’ din ir-relazzjoni. Il-kelliema jiddiskutu wkoll x’kien aktarx wassal għall-qtil, x’ġara wara u, fil-kuntest tal-istudji storjografiċi, għala l-ġrajja għadha tista’ tibqa’ interessanti għalina llum.

Fis-seminar jieħdu sehem ukoll mill-Università ta’ Malta Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, u l-Prof. Carmel Cassar, mill-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura. Matul is-seminar, dan il-fatt se jitgħanna mill-għannej Kalċidon Vella, id-Danny, akkumpanjat mill-prim kitarrist Ronnie Calleja, ir-Ronnie, u kitarrist sekond.

unnamed-1

Marlene Mifsud Chircop, mill-Mosta, hija riċerkatriċi tal-folklor Malti, għalliema u traduttriċi. Studjat fl-Università ta’ Malta u ħadmet taħt il-gwida tal-folklorista Ġużè Cassar Pullicino u ta’ żewġha, il-folklorista antropoloġiku Ġorġ Mifsud Chircop. Hija ppreżentat dokumentarji kulturali għat-televixin u ħadet sehem f’diversi programmi tar-radju. Ħadet sehem ukoll f’attivitajiet kulturali f’Malta u barra bħala narratriċi u interpretatriċi. Ippreżentat għadd ta’ studji fuq il-folklor u l-għana Malti f’konferenzi f’Malta u barra u ħadet ħsieb il-parteċipazzjoni tal-għannejja u tan-narraturi f’attivitajiet kulturali lokali u barranin. Fl-2014, flimkien ma’ oħrajn, organizzat f’Malta attività kulturali ‘Grimani, min qatlu?’għal Science in the City.

Mark Montebello, minn Tas-Sliema, huwa riċerkatur u għalliem. Huwa patri Dumnikan u saċerdot. Studja l-filosofija f’Malta, l-Italja u Spanja, u jgħallimha fl-Università ta’ Malta u f’istituzzjonijiet oħra ta’ tagħlim avvanzat. Flimkien ma’ oħrajn, fl-2012 waqqaf il-fondazzjoni Philosophy Sharing, li taħdem f’Malta u Għawdex. Għamel ħafna snin ta’ ħidma soċjali fil-Kottonera, fil-ħabs ta’ Kordin u mal-vittmi tal-kriminalità. Huwa l-awtur ta’ madwar tletin ktieb, l-aktar ta’ natura filosofika u kritika. Huwa pijunier tal-istudju tat-tradizzjoni filosofika Maltija, li fuqha ppubblika diversi kitbiet u għallimha fl-Università ta’ Malta. Ippubblika wkoll studji storiċi xjentifiċi, fosthom xogħlijiet fuq ir-riformatur soċjali Manwel Dimech.

Bernard Micallef, attwalment il-kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, jgħallem il-letteratura Maltija, u t-teorija u l-kritika letterarja, u jmexxi teżijiet fil-livelli kollha. Mir-riċerka tiegħu fuq l-eżistenzjaliżmu fil-poeżija ta’ Philip Sciberras fil-livell ta’ MA, baqa’ jispeċjalizza fl-ermenewtika u l-kritika tar-rispons tal-qarrejja. Ippreżenta studji fuq awturi Maltin u barranin f’għadd ta’ konferenzi barra minn Malta, fosthom tliet konferenzi fl-Università ta’ Harvard bħala mistieden tal-World Phenomenology Institute. Dawn it-taħditiet ġew ippubblikati fis-sensiela Analecta Husserliana (Springer). Micallef ippreżenta studji oħra f’konferenzi Ewropej, li ġew ippubblikati f’rivisti ewlenin.fosthom studju fuq il-ħassieb Hans-Georg Gadamer. Micallef kiteb l-introduzzjoni għal ġabriet ta’ poeżiji ta’ Maria Grech Ganado u ta’ Philip Sciberras.

 

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to IL-Qtil ta’ Patri Viċenz Grimani

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif anness. Il-Qtil ta’ Patri Viċenz Grimani, fatt li seħħ kważi tliet mitt sena ilu, se jkun irrakkontat mill-ġdid f’atmosfera u b’atmosfera mill-aktar interessanti. Dr.Marlene Mifsud Chircop u Dr.Mark Montebello għamlu biċċa xogħol mill-aqwa oħra, li titma’ lill-qarrejja b’tagħrif kbir.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s