stejjer-veri-1

Tletin novella li jvarjaw fit-temi u fl-istili tal-kitba. Dawn l-istejjer, frott tal-immaġinazzjoni tal-awtur jistgħu xi darba jkunu stejjer veri għax wara kollox huma mera tar-realtà tal-ħajja u kif ngħidu kultant truth is stranger than fiction.

Bħalma għamel f’kitbiet oħrajn, kemm rumanzi kif ukoll novelli, l-awtur juri simpatija mal-mara prostituta u donnu jixtieq juri n-naħa t-tajba tagħha. Fost in-novelli li fihom tidħol b’xi mod il-mara prostituta, hemm Wara l-Kunċert li tiddeskrivi relazzjoni stramba bejn żagħżugħ u mara tat-triq. Daqshekk ieħor tinħass stramba r-relazzjoni bejn il-mara ta’ raġel li miet u l-mara li magħha kien qed jaqlibhielha, meta dawn jiltaqgħu ħdejn il-qabar tal-mejjet (Żewġ Nisa).

F’xi novelli hemm l-istil użat fit-trijoloġija tiegħu li tittratta dwar il-ħajja u l-karattri tat-triq fejn trabba u qatta’ parti minn żgħożitu. Fost dawn ta’ min isemmi Safra Twila, Kitarri u Mandolina, Ix-Xiħ tal-Isqaq u Ried Flusu.

Interessanti li waħda min-novelli, tkompli mar-rumanz tiegħu Fid-Dar tal-Kantuniera li ħareġ is-sena l-oħra. Luċija terġa’ lura Malta bla mistennija bix-xewqa li tiltaqa’ ma’ bintha Eliza u t-tifla tagħha Dorina.

Id-Dinja Ġdida li skopra Wistin lejla waħda hija dinja li kien ilu jixtieq u joħlom biha fil-ħajja magħluqa li kien jgħix fiha mnebbħa mill-ħars bis-serqa li kien jagħti lill-armla Liża kull meta kienet toħroġ tiknes quddiem il-bieb tad-dar jew tnaddaf il-ħġieġ tat-twieqi.

It-tema universali tal-imħabba hija wkoll is-suġġett f’xi wħud min-novelli li nsibu f’dan il-ktieb – x’aktarx l-imħabba li falliet u ħalliet il-ġerħiet tagħha. Fost dawn hemm Il-Fjura  – b’rakkont li juri li l-ewwel imħabba taf ikollha għeruq fondi u b’saħħtihom bħas-siġar qodma li hemm fil-Misraħ tar-raħal.

Kultant il-bniedem jidfen fl-imgħoddi tiegħu xi ħaġa li aħjar ma jiftakarx. Din it-tema l-awtur jittrattaha fl-istorja Fil-Mera.

Ix-xewqa li wieħed jerġa’ lura wara mewtu mqar għal ftit sigħat tista’ tkun ix-xewqa ta’ ħafna. In-novella Ftit Sigħat  tittratta din it-tema minn għajnejn awtur.

L-awtur jikteb ukoll dwar tfajla li trabbiet f’Istitut u kellha xewqa kbira li ssir taf min kienet il-familja tagħha. Ritratt li rat għand ħabib tagħha b’kumbinazzjoni nissel fiha ħafna tama. Il-kelma forsi  fil-ħajja taf twieġeb ħafna mistoqsijiet u tnissel ukoll xi ftit tat-tama fil-bniedem għatxan li jsib il-verità.

L-attakk terroristiku li sar f’Pariġi nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru, 2015, kien ta’ ispirazzjoni għan-novella Babette.

Il-kamra tal-bejt  iġġib ħafna tifkiriet koroh għal Karl – tifkiriet ta’ vjolenza u mibegħda kbira għal missieru.

Stejjer Veri li Qatt ma Ġraw, is-seba’ kiteb  ta’ novelli ta’ Charles Casha (wara Għad-Dawl tal-Lampa, Burraxki, rakkontigriżi, Minn Tarf sa Tarf tat-Triq, Minn Fuq l-Għatba u Mill-Gallarija ) huwa aktar varjat u għandu jinżel  tajjeb mal-qarrejja.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif. Charles Casha, kittieb mill-aqwa, joffri kitba b’riżultat ta’ impatt u impressjoni mill-isbaħ.

    Stejjer veri li qatt ma Ä¡raw-ikompli jikkonferma dan.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s