Fid-Dell tal-Pellikan huwa t-tieni rumanz miktub minn Salv Sammut. It-tmiem tal-kitba tiegħu ntemmet fil-5 ta’ Novembru tas-sena 1982, jiġifieri fil-5 ta’ Novembru ta’ din is-sena jagħlaq 33 sena mwarrab fid-dlam … dejjem jistenna bis-sabar li jiġi mitbugħ wara r-rumanzi l-oħra li nkitbu warajh u ħarġu  fil-beraħ għall-qarrejja. Għalkemm għaddew dawn is-snin kollha minn fuqu, il-ġrajja fil-kuntest tal-karattri tagħha għadha reali u relevanti għal dan iż-żmien għax il-bniedem jibqa’ bniedem irrispettivament mill-kariga jew pożizzjoni li jkollu.

Il-karattru ewlieni tar-rumanz huwa saċerdot Karkariż, konvint minn twemminu, mimli bil-konvinzjoni ġenwina li hu kien sod u ma jaqax għat-tentazzjonijiet tad-dinja. Kien jikkritika bl-aħrax il-ħażin u l-ipokresija ta’ madwaru minkejja li dejjem ried jgħix fil-kwiet. B’riħtu, kien ġabar iż-żgħażagħ fi klabb għalihom biex ibegħedhom mit-tiġrib. B’danakollu, bħala bniedem, kien dgħajjef fejn jidħlu mumenti ta’ kriżi u aktar kien ħsiebu u jagħti kas ta’ x’se jgħidu n-nies fuqu u kif se tiġi mittiefsa l-istima tiegħu ta’ saċerdot rispettat milli fil-fatt kif kien se jidher mal-Ħallieq tiegħu. Dan joħroġ ċar fil-konfront li kellu m’oħtu, tfajla żnella, fuq tagħha li ħarġet tqila meta kienet għadha xebba. Magħha kien malajr għamilha ta’ mħallef aktar milli kien iċ-Ċirinew tagħha u taha spalla meta l-iżjed li kienet tinħtieġu.

Tfajla, bla mistenni tidħol f’ħajtu u tgerfixlu l-ekwilibriju u t-trankwillità li kien qed jgħix komdu fihom. Iżda hu, għalkemm urieha kemm-il darba li ma kienx maqtugħ għal dik il-ħajja, xorta waħda ma kienx b’saħħtu biżżejjed li jżomm sod u ttarraf u ġġarrab. S’hawnhekk, ma hemm xejn straordinarju f’dil-ġrajja li min jaf kemm ġrat u għad tiġri bħalha. Imma, din is-sitwazzjoni għandha messaġġ sinifikattiv qawwi li dam biex ġie mifhum mis-saċerdot li tul il-ġrajja kollha ma setax jifhem għaliex kienu qegħdin iseħħulu dawk it-tribulazzjonijiet kollha sakemm darba, f’mument kritiku, irrealizza kemm kien bniedem beżżiegħ, egoist u kemm dineb kontra s-sema u kontra l-bniedem.

Fl-aħħar,  jagħraf għaliex il-pretensjonijiet li kellu ġġarrfu kollha quddiemu. Nidem u sab lill-Ħallieq u s-serħan tal-qalb fil-ftuħ tal-Imtaħleb u mal-kliem djalettiku iżda mimli għerf ħiereġ minn fomm gabillott bla tagħlim akkademiku ġewwa għorfa sempliċi f’nofs is-sbuħija rurali tal-Imtaħleb.

Fid-Dell tal-Pellikan huwa rumanz minsuġ bi kliem mirqum ħafna b’Malti sabiħ miżmum kemm jista’ jkun possibbli fis-sbuħija naturali tiegħu u b’deskrizzjonijiet ta’ sitwazzjonijiet aċċidentali kif ukoll oħrajn pastorali fejn il-qarrej huwa u jaqra jħossu qed jittieħed lejn lehma poetika. Donnu li l-għan tar-rumanz huwa li juri kif il-bniedem, wara kollox, jibqa’ ħlejqa umana, dgħajfa, li taqa’ u tqum, li ġġarrab u tiġġarrab, li tidneb u tindem, li l-konvinzjonijiet jitfarrku kollha f’sitwazzjonijiet ta’ prova fejn dlonk tisfaxxa l-prużunzjoni li l-bniedem kellu u emmen li dejjem hu sod f’kull ċirkustanza. Iżda, imbagħad, ikun matur biżżejjed biex jara x-xejn tiegħu u jerġa’ lura lejn dak li huwa sublimi u li dejjem emmen fih bis-sħiħ … issa li ħassu mneżża’ minn kull pretensjoni u jinsab imkennen f’mistrieħ mistiku ta’ dak kollu li hu naturali.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

4 Responses to

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikħajr tat-tagħrif anness. Fid-Dell tal-Pellikan hu storja oħra minsuġa madwar id-dgħufija tal-bniedem, dik l-anatomija fiżika-sapiritwali li hija ċ-ċentru tal-ħolqien, imma daqstant ieħor parti minnu, bis-sbuħija u l-morbidita’ tiegħu, il-bniedem xbiha ta’ Alla, imma ffurmat b’destin ta’ difetti, ħolm, ambizzjonijiet, kburija, u żlieq. Anatomija kumplessa daqskemm interessanti. Salv Sammut hu kittieb ta’ kapaċita’, osservatur brillanti tal-ħajja, li bħal Charles Dickens, iqaxxar il-karattru tat-triq u dawk l-“għolja”, u li bħal Dickens ukoll, huwa inklinat lejn il-klassi li ssofri l-iktar, li tbati, u li minflok tkun fejn jistħoqqilha, fiċ-ċentru tal-ħolqien, ħafna drabi tgħix tippassiġġa konfuża fil-periferiji. Fid-Dell tal-Pellikan, hu l-istorja miskina tagħna lkoll.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

  2. salv sammut says:

    Ħajr mill-qalb Mario talli dejjem tifhem il-messaġġ li nkun irrid nagħti fir-rumanzi tiegħi. Iva, bħal Charles Dickens jien inkun irrid inwassal is-sitwazzjoni soċjali tal-ħajja li nkunu qegħdin ngħixu attwalment. Dan nagħmlu għax nemmen bis-sħiħ li l-Kittieb huwa l-ġurnalista ta’ żmienu. Kieku Charles Dickens ma kitibx dak li kiteb kif konna nkunu nafu tabilħaqq il-ħajja soċjali tal-klassi tal-ħaddiema għajr dik ekonomika u ndustrijali bir-rivoluzzjoni ndustrijali. Dejjem noqgħod b’seba’ għajnejn li ma nkunx bombastiku imma realistiku u norqom il-Malti li għadu jintuża sakemm ikun jagħmel sens mingħajr anglo-maltese li m’għandux valur vokabolarju jew letterarju. Mill-ġdid ħajr Mario.

    Like

  3. Josephine R Campbell says:

    34 mhux 33 sena kif issemma aktar ‘il fuq.

    2016-06-28 20:35 GMT+02:00 L-Akkademja tal-Malti :

    > L-Akkademja tal-Malti posted: ” Fid-Dell tal-Pellikan huwa t-tieni rumanz > miktub minn Salv Sammut. It-tmiem tal-kitba tiegħu ntemmet fil-5 ta’ > Novembru tas-sena 1982, jiġifieri fil-5 ta’ Novembru ta’ din is-sena > jagħlaq 33 sena mwarrab fid-dlam … dejjem jistenna bis-sabar li jiġi ” >

    Like

  4. salv sammut says:

    Josephine … jekk teħodha mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena 1982 sal-ewwel ta’ Jannar 2016 ikollok raġun (34 sena). IMMA jien lestejtu fil-5 ta’ Novembru tas-sena 1982 u għalhekk din is-sena fil-5 ta’ Novembru jkun ilu 33 sena neqsin ftit.

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s