Mal-Ħmura tax-Xefaq ta’ Charles Bezzina

Mal-Hmura tax-Xefaq_Charles BezzinaCharles Bezzina huwa wieħed mill-aħjar esponenti ta’ din ix-xeħta li fil-każ tal-Letteratura ta’ Malta għandha titqies bħala post-moderna. B’konsistenza fil-ħsieb, fl-emozzjoni u fil-kelma, u b’kontinwità anki bejn temi li jidhru bħallikieku opposti għal xulxin, huwa bena d-definizzjoni tiegħu nnifsu bħala poeta li jħaddem tajjeb ħafna r-riżorsi metriċi kollha, u qabelxejn il-versi l-iżjed mużikali, bħalma huwa s-settenarju, l-ottonarju u l-endekasillabu. Ir-rima ta’ kull xorta… hi mqiegħda f’postha b’naturalezza tipika ta’ awtur li huwa tassew is-sid tal-kelma li huwa jagħżel mhux biss bħala tifsira imma wkoll bħala ħoss, li huwa ħoss f’relazzjoni mal-ħoss imtenni f’kelma oħra.

Charles Bezzina huwa wieħed mill-aħjar poeti Maltin li jħaddmu r-rima bħala għodda li trodd il-ħlewwa (l-ewfonija) daqskemm hi għodda li tisħaq fuq it-tifsira. Il-ħoss verbali fl-idejn ta’ mgħallem bħal Charles Bezzina jasal biex isir diwi tas-sens, kif jgħid Pope: ‘the sound must be an echo to the sense’.

Aktar minn poeti oħrajn ta’ qablu u ta’ żmienu, Bezzina jitlob li jinqara b’leħen għoli, sewwasew għaliex, iżjed milli fil-każ ta’ poeti oħrajn, huwa jikkonċepixxi l-poeżija dejjem bħala test mużikali, nisġa naturali magħmula minn sens u ħoss, minn alternanza kontinwa bejn enfasi u nuqqas ta’ enfasi. Huwa jikteb b’mod li jrid ifakkar il-ħin kollu li l-versi tiegħu huma essenzjalment esperjenzi mbiddla fi ħsejjes metriċi, regolari, melodiċi, u ma jistgħux jinqraw jekk mhux bħala sensiela ta’ alternanzi bejn sillaba bl-aċċent u sillaba mingħajr aċċent.

Din l-għażla tiġbor il-poeżiji li Bezzina kiteb bejn is-snin 2011-2014 u tinkludi studju mill-Prof. Oliver Friggieri.

Charles Bezzina twieled ir-Rabat, Għawdex, fl-1961. Awtur ta’ tmien kotba ta’ poeżijji, sitta dwar it-tieni gwerra f’Għawdex u ieħor dwar Għawdex f’nofs is-snin sittin. Rebbieħ darbtejn fil-Premju Letterarju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u ta’ diversi konkorsi letterarji. Fl-1994 rebaħ il-premju internazzjonali Citta di Valetta u fl-2006 ingħata Ġieħ il-Belt Victoria mill-Kunsill tar-Rabat, Għawdex. Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti, tal-Għaqda tal-Malti (Università), delegat Għawdex tal-Għaqda Poeti Maltin u membru tan-National War Museum Association u tal-George Cross Island Association.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

2 Responses to Mal-Ħmura tax-Xefaq ta’ Charles Bezzina

  1. Charles Coleiro says:

    Charles Bezzina huwa poeta li jkompli jgħaqqad il-kullana ta’ kittieba Għawdxin, poeta li bħall-istaġun tar-Rebbiegħa li tiġi magħna kull sena il-poeziji tiegħu joħorġu wkoll jixirfu kull sena f’uċuh għammiela, ktieb, wieħed wara l-ieħor. Irċevejt minn għandu l-aħħar ktieb ”Mal-Ħmura tax-Xefaq” u fraħtlu għall-versi li kif kitiblu Oliver Friggieri, f’dan il-ktieb ”mir-realta’ sal-fantasija” kull ħsieb u tema b’versi mexxejja jaslu għandna minsuġa bir-realta’ tal-ħajja. Charles Coleiro

    2016-02-22 13:36 GMT+01:00 L-Akkademja tal-Malti :

    > L-Akkademja tal-Malti posted: “Charles Bezzina huwa wieħed mill-aħjar > esponenti ta’ din ix-xeħta li fil-każ tal-Letteratura ta’ Malta għandha > titqies bħala post-moderna. B’konsistenza fil-ħsieb, fl-emozzjoni u > fil-kelma, u b’kontinwità anki bejn temi li jidhru bħallikieku opposti għal > ” >

    Like

  2. Mario Griscti says:

    Niżżikom ħajr tat-taghrif anness. Charles Bezzina illum sar kittieb li tista’ faċilment tafda’ u tħobb.

    Il-letteratura tagħna, tħaddan magħha, kittieba bħalu b’sodisfazzjon indiskuss.

    Mal-Ħmura tax-Xefaq hu dinjita’ letterarja oħra għall-librerija tagħna.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s