Meta s-sikka tal-moħriet laqtet ħaġra kbira

tempji ta' Ħal Tarxien

Artiklu ta’ Melvic Zammit, mis-sit http://www.inewsmalta.com

Il-kumpless tat-tempji ta’ Ħal Tarxien huma marbuta mill-qrib ma’ Sir Temi Zammit li ħa ħsieb jikxifhom fl-1914. Imma Ninu Cremona kellu sehem importanti ħafna fis-sejba ta’ dawn l-imqades li jmorru lura 3,000 sena Qabel Kristu.

Ħafna snin wara din is-sejba arkeoloġika, il-Professur Ġużè Aquilina fis-snin sittin ħa ħsieb jintervista lil Dr Ninu Cremona fis-sensiela tiegħu Antoloġija li kien ixxandar mir-Rediffusion. F’waħda minn dawn l-intervisti, Cremona jirrakkonta kif wieħed bidwi ġie għandu bl-aħbar li s-sikka tal-moħriet tiegħu laqtet ħaġra kbira.

Is-Sur Nin, hekk kien magħruf fi żmienu, jirrakkonta kif ftit ’l isfel mid-dwejra tiegħu f’Ħal Tarxien, wara nofsinhar kien jara lil wieħed raġel xi ftit jew wisq mgħobbi biż-żmien għaddej biex jaqbad il-mogħdija tas-sqaq li jagħti għall-għelieqi li jagħtu għaċ-ċimiterju tal-erwieħ, taħt ir-riħ tal-għolja tal-borġ li tagħti għal għajn dwieli.

Dak ir-raġel, Wenzu, kien jafu bħala sensar imma ma kienx jaf li kien bidwi. Is-Sur Nin kien ilu jgħix xi erba’ snin f’Ħal Tarxien bħala Uffiċjal Sanitarju u jkompli jirrakkonta kif darba fost l-oħrajn, dan Wenzu mar fl-uffiċċju tiegħu u tarraflu li s-sikka tal-moħriet tiegħu waqt li kien qed jaħrat weħlitlu “ma’ blata li wara li kixifha dehret li kienet ħaġra kbira kwadra maħduma u bil-wiċċ wiesa’”.

Is-Sur Nin tah parir li jmur ikellem lill-Professur Temi Zammit li dak iż-żmien kien jaħdem fl-Uffiċċju tas-Sanità, il-Belt.

Ġimagħtejn wara s-Sur Nin reġa’ ltaqa’ ma’ Wenzu u meta staqsieh kif kien baqa’ mal-Professur, Wenzu qallu li ma marx ikellmu għax kien qed jibża’ li malli jitkellem kienu se joħdulu r-raba’ u dik l-għalqa ma xtaqx jitlifha għax tgħidx kemm kienet għammiela. Is-Sur Nin lil Wenzu għamel mill-aħjar biex iserraħlu moħħu li mhux se jiġri hekk u fissirlu li hu diġà kellem lill-Professur u ma jdumx ma jiġi jara l-post. Qallu wkoll li billi dik kienet art tal-Gvern, jekk jinstabu fdalijiet storiċi, jieħdu ħsieb iżidulu ma’ dak li diġà għandu filwaqt li hu jibqa’ jieħu ħsieb l-għelieqi biex jindukrahom.

Skont is-Sur Nin, Temi Zammit għall-ewwel ma weriex ħeġġa kbira dwar dak li kien skopra Wenzu u qatt ma basar x’kobor ta’ fdalijiet kien hemm moħbija taħt il-ħamrija. Ir-raba’ kien fiha l-miżrugħ u Sir Temi tah iż-żmien biex jaħsad il-wiċċ tal-furrajna qabel ma jibda t-tħaffir. Għal ħabta ta’ Lulju tal-1913 il-Professur talab lil Wenzu jqabbad xi ħaddiema jħaffru trinka f’nofs l-għalqa u jibqgħu sejrin matul dak il-ħaġar kbir ta’ taħt il-ħamrija. Taħt fond ta’ xi żewġ piedi deher minnufih ħaġar kbir ta’ bini qadim.

Għall-mistoqsija ta’ Zammit dwar jekk kienx hemm drabi oħra li Wenzu sab fdalijiet oħra ta’ dan it-tip, il-bidwi wieġbu li meta ġew biex ikabbru l-bini tal-Kappella taċ-Ċimiterju tal-Erwieħ, il-ħaddiema kienu ltaqgħu ma’ ħaġar maħdum bħal dak li nstab fl-għalqa tiegħu. Is-Sur Nin ikompli jgħid li d-deffien waqt li kien qed iħaffer għal xi qabar ġdid, ġieli ltaqa’ wkoll qalb ir-radam ma’ xi bċejjeċ ta’ fuħħar qadim. Wara aktar tħaffir Sir Temi Zammit ma damx ma ntebaħ li hemm taħt kien hemm bini ta’ maqdes kbir u li kien meħtieġ li jgħarraf lill-Gvern bis-sejba biex ikun jista’ jħaddem in-nies ħalli jinkixef kollu kemm hu.

Għal ħabta ta’ Lulju tal-1915 it-tħaffir tkompla u feġġ maqdes “f’għamla ta’ żewġt iqwas” bħal ta’ Ħaġar Qim, l-Imnajdra u l-Ġgantija t’Għawdex. Maż-żmien intradam bil-ġebel u l-ħamrija. It-taħfir dam sejjer sal-1920 u nstabu żewġt imqades oħra mibnija fi żminijiet differenti. Is-Sur Nin kien jgħaddi s-sigħat mal-Professur Zammit jarah jifli, ikejjel u jeżamina l-fdalijiet li kien jagħmel f’dawn l-imqades.

F’dawn it-tempji kien hemm żewġ safi ta’ epoki: is-saff ta’ fuq ta’ żmien il-Bronż u s-saff ta’ taħt ta’ żmien in-Neolitiku. Fost l-oġġetti li nstabu kien hemm il-ħaġar taż-żnied u l-ossidjana, ħaġar iswed ileqq qisu żġieġ, kollha maħdumin: skieken, srieraq, barraxijiet, templori, mazez tal-ħaġar, statwetti u labar fost oħrajn.

Is-Sur Nin ikompli jiddeskrivi x-xogħol tal-fuħħar kien xi ħaġa tal-għaġeb, fil-ġarar, bwieqi, qliel, borom, platti b’tiżjin mill-isbaħ b’figuri simboliċi fosthom tal-għajn kontra s-seħer. Il-fuħħar kienu jillixxjawh b’xi għadam jew ċagħaq u jġibuh lixx daqs il-ħġieġ. Xi statwetti li nsabu aktarx jiffiguraw xi qassisin tal-maqdes ta’ dak iż-żmien. Jistqarr li ħaġa li l-aktar li laqtitu waqt it-tħaffir u li impressjonatu mhux ftit kienu xi għadam li fuqu kien għadu jidher saff ta’ trab isfar li ma kienx ħlief l-ilbies li kien imkeffen fih il-mejjet ta’ Żmien il-Ħaġar. F’dan is-saff ta’ trab isfar kienu għadhom jidhru s-sinjali tal-insiġ tal-kefen. Is-Sur Nin jgħidilna li ra lill-Professur Zammit bil-ponot tal-pinzetta jirnexxilu jiġbor sħaħ il-bċejjeċ ta’ dan is-saff u jerfagħhom f’tubu tal-ħġieġ.

L-intervista tagħlaq bis-Sur Nin jistqarr li dawk l-erba’ snin ta’ tħaffir tal-imqades qodma ta’ Ħal Tarxien għadhom quddiem għajnejh bħalma għadha quddiem għajnejh it-tifkira tal-ħabib għażiż tiegħu Temi Zammit.


Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta ppreżenta recording ta’ din l-intervista lil Heritage Malta fejn Cremona jinstema’ jitkellem dwar is-sejba tal-imqades ta’ Ħal Tarxien, li jmorru lura sa 3,000 sena qabel Kristu. inewsmalta.com jirringrazzja lis-Sur Joe Borg tat-tagħrif li għaddielna dwar din l-intervista.


Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s