IT-TRILOĠIJA ‘HEKK TĦABBAT IL-QALB MALTIJA’

Rumanz Kattoliku għaż-żgħażagħ u għall-għalliema

 Oliver Friggieri

Alla waħdu jagħti sens lill-eżistenza. Neżistu kuntenti jekk nafu għalfejn u għaliex. Il-preżenza tiegħu tinħass f’żewġ direzzjonijiet: ir-riflesssjoni loġika, u r-rivelazzjoni. Is-sens komun iwassalna għandu, u r-rivelazzjoni tagħtina prova storika.  Il-Knisja Kattolika hi wirt tal-ogħla kultura dinjija, hi l-qofol tal-identita’ nazzjonali Maltija, u hi l-istituzzjoni li tista’ tgħaqqad l-aktar lill-poplu Malti kollu, anki politikament. Is-saċerdot Malti hu l-benefattur ewlieni tas-soċjeta’ Maltija matul bosta sekli, inkluż il-preżent. M’hemmx tradizzzjoni ħajja mingħajr modernita’, u m’hemmx modernita’ f’saħħitha mingħajr tradizzjoni. It-tama tal-bniedem quddiem l-isfida tat-tbatija u tal-mewt hi Sidna Ġesu Kristu. Amirazzjoni lejn Kristu bħala bniedem kolossali tinvolvi bilfors fidi fih bħala Alla, il-qofol ta’ kulma qal u għamel il-ħin kollu. Jistgħu dawn il-ħsibijiet kollha jingħataw il-forma ta’ rumanz? Din hi l-istorja kollha ta’ Hekk Tħabbat il-Qalb Maltija (Klabb Kotba Maltin).

Alla mill-ġdid fiċ-ċentru tal-kultura

Dawn il-ħsibijiet kienu f’moħħi jien u nikteb it-triloġija Hekk Tħabbat il- Qalb Maltija, magħmula mit-tliet rumanzi It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, La Jibbnazza Niġi Lura u Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port. Matul it-tnax -il sena sħaħ (1998-2010) li għaddejt nikteb dawn it-tliet rumanzi, ippruvajt nara kif nista’ nsarraf sett ta’ konklużjonijet f’sensiela ta’ ġrajjiet li jifformaw rumanz, anzi triloġija, tliet rakkonti marbutin flimkien li jikkostitwixxu rakkont twil wieħed.

Ridt nuri li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajr l-appoġġ, il-garanzija tat-twemmin f’Alla. Mingħajr Alla l-ħajja hi insopportabbli. Alla huwa anki kuntratt politiku, eżistenzjali, psikoloġiku: huwa jserraħ ras l-umanita’ li l-umanita’ ma hix biss organiżmu msejken, patetiku, destinat li jgħix b’mod jew b’ieħor għal ftit snin biex jintrema bħala oġġett moqżież taħt l-art. Il-futur tiegħu mhuwiex l-art imma s-sema. Din hi kwistjoni politika li tinteressa lil kulħadd.

Inqdejt b’karattru ta’ saċerdot tipikament Malti, Dun Grejbel (diminuttiv ta’ Grabiel bil-Malti), raġel sempliċi u twajjeb, kbir sal-punt li jitla’ hu wkoll sal-Golgota waħdu, bħala saċerdot konvint sa l-aħħar. Il-kruċifissjoni tiegħu hi t-tkomplija tal-kruċifissjoni ta’ Kristu nnifsu, u l-paralleli mal-ġrajja evanġelika huma evidenti. Malta forsi tinsab fil-punt kruċjali li tagħraf li hemm tradizzjoni twila waħda li hi, Knisja u partiti u poplu, ma tistax tarmi. Hi stedina lura lejn is-sens komun – qabel ma jkun tard wisq.

Jekk hemm mara żagħżugħa li ħarġet tqila qabel iż-żmien (Susanna), u jekk hemm mara xwejħa, nanna (Katarina) li qiegħda tbati biex issalva struttura familjari sħiħa qabel ma tikkollassa, u jekk hemm missier (Saverju) riġidu, iebes, li jemmen fit-tradizzjoni bil-qilla tiegħu kollha… dawn huma biss karattri li forsi jlaħħmu lill-karattri l-aktar tipiċi tas-soċjeta’ Maltija. Hi soċjeta’ li tagħmel parti mit-tarf tas-Sud Ewropew.

Insalvaw l-għeruq tagħna lkoll

L-għeruq tagħna lkoll (Nazzjonalisti u Laburisti) ma humiex atei, lanqas lajċi, lanqas anjostiċi. L-għeruq huma realta’ li xi ħadd isibha lesta. Hi t-tradizzjoni, il-ħamrija li hi d-dar tal-għeruq. Trid teqred l-għeruq? Kollox sew – imma m’hu se jibqagħlek xejn. Din il-logħba fatali forsi hi l-fażi politika li Malta tinsab għaddejja minnha bħalissa. Hemm patrimonju morali, kulturali, reliġjuż ta’ bosta sekli li qiegħed jintrema.

Jien deherli, matul mhux inqas minn tnax-il sena sħaħ, li kelli nistudja u ninterpreta din is-sitwazzjoni kumplessa kollha, bis-saħħa ta’ rumanz twil, li jinkorpora kollox. Fuq naħa, naf li hemm konklużjonijiet xjentifiċi li jikkonfermaw dan kollu; fuq in-naħa l-oħra, nifhem li rumanz hu l-aħjar mod kif veritajiet xjentifiċi jistgħu jitwasslu għand numru kbir ta’ nies. Rumanz hu għasfur li jtir fit-tul u jimraħ kullimkien. Naf.

Lura minnufih lejn l-għeruq: saċerdoti u żgħażagħ

Bit-triloġija ta’ Hekk Tħabbat il-Qalb Maltija qiegħed nittama li nagħti s-sehem tiegħi biex il-qofol essenzjali Malti jerġa’ jsir iċ-ċentru tal-kultura Maltija kollha, u mhux sempliċiment tal-kompartiment letterarju. Qiegħed nittama li din l-istedina tasal għand żewġ kategoriji tas-soċjeta’ Maltija: is-saċerdoti u ż-żgħażagħ. Dan ir-rumanz hu miktub qabelxejn biex juri kemm hu kbir il-kontribut uman, soċjali, morali, li jagħti s-saċerdot Malti. Nippretendi li dan ir-rumanz jiswa biex irodd lura xbieha sana, sublimi tas-saċerdot Malti, anki bħala sempliċi ċittadin – speċjali.

Jekk iż-żgħażagħ ma jsalvawx lill-Knisja issa

Jekk fl-uragan Malti ta’ bħalissa ma nsalvawx lill-Knisja, il-qofol tal-Istorja daqskemm il-bażi taċ-ċertezza psikoloġika nazzjonali, il-konsegwenzi huma kollha prevedibbli. Il-vittmi huma t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li se jirtu pajjiż imċaħħad mill-punti tar-riferiment, miċ-ċertezzi, mill-garanziji li lill-ġenerazzjoni tiegħi u ta’ warajja tawha sens ta’ futur.

Jekk ma nsalvawx lill-Knisja minnufih, se jerġa’ jkollna lil Malta deżert. In-Nisrani, il-Kattoliku konvint jemmen li t-triq tal-futur hi t-triq lura. B’dan ir-rumanz jien nixtieq inwassal dan il-messaġġ liż-żgħażagħ, l-aktar lil dawk li qegħdin jistudjaw.

Hekk Thabbat il-Qalb Maltija (Poster) JPG file

 

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to IT-TRILOĠIJA ‘HEKK TĦABBAT IL-QALB MALTIJA’

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikom ħajr bis-sħiħ. HEKK TĦABBAT IL-QALB MALTIJA hi triloġija kuxjenzjuża li nagħmlu żball kbir jekk ma nisimgħuhiex tħabbat ġewwa fina.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s