Skrapp u Skrapp_Carmel AzzopardiIl-ktieb jiġbor fih 4 drammi li għandhom l-għan ewlieni li jimmotivaw lill-istudenti u joħolqu ambjent li fih l-istudenti jitgħallmu waqt li jieħdu gost.

Sa ċertu punt dan jgħodd l-aktar għaż-żewġ kummiedji ta’ Skrapp u Skrapp li huma mexxejja, mimlija azzjoni, imma li jostru messaġġ qawwi favur il-ġustizzja u s-sewwa li b’xorti tajba fl-aħħar dejjem joħorġu minn fuq.  Il-karattri Skrapp 1 u Skrapp 2 huma fuq tagħhom, dinamiċi u huma wkoll intelliġenti u inġenjużi, kemm meta imbruljuni u kemm meta jikkonvertu u jsiru investigaturi. Bla dubju l-istudenti mhux se jsibuha diffiċli jidentifikaw ruħhom ma’ dawn il-karattri.

Tematikament  Żerniq jimxi fuq l-istess linji ta’ Skrapp u Skrapp, bid-differenza li Żerniq hu dramm serju, mimli simboliżmu u għalhekk forsi jappella aktar għal studenti maturi. L-istess bħal fi Skrapp u Skrapp, il-ġlieda eterna bejn it-tajjeb u l-ħażin hi t-tema rikorrenti, bil-ħażin li jieħu post il-ħażin ta’ qablu sa ma xi darba t-tajjeb joħroġ rebbieħ.

Il-Prinċep Wiċċ id-Dawl hu adattament tal-ħrafa ta’ Oscar Wilde The Happy Prince, ħrafa moderna b’messaġġ qawwi favur l-altruwiżmu u l-ġustizzja soċjali. Aspett oriġinali tad-dramm, li jżomm il-qafas oriġinali imma li jitlaq għal riħu u jimraħ għal dik li hi għażla tal-lingwaġġ, hu li hu miktub bil-versi, libsa li taqbel ħafna mal-lingwa rikka u poetika ta’ Wilde. Nisiltu eżempju mid-dramm ta’ Azzopardi. Il-Ħuttafu jitkellem wara li kien wettaq opra tajba.

Kemm ħlomt sabiħ dal-lejl!
Sibt ruħi f’art ’il bogħod,
ma nafx jekk hux l-Eġittu jew post ieħor,
’mma naħseb li l-Eġittu. Kont ferħan,
u kollox madwari rajt abjad ….
Kien forsi silġ? Ma nafx. Jew forsi sħab
abjad tajjar? Min jaf! Naf biss li qalbi
kebbset bħal ġamra nar u kont kuntent,
u sħun ….
U rajt madwari ċriev minn lewn il-ġilju,
u magħhom ħrief miksija bit-tajjar,
u tfal, tfal ta’ kull lewn,
kannella, bojod karti, suwed faħma,
u sofor …..
Tfal biss. U ċ-ċriev u l-ħrief hemm lagħbu magħhom
u minnhom ma beżgħux.
Ħassejtni mbagħad nintrefa’ ’l fuq mill-art
u għana smajt li jsaħħar, u madwari
rajt jittajjar, ma nafx sew sew dan x’kien,
kien donnu tajr mill-isbaħ, ġwienħu bojod
bħax-xemx. U kif ma nafx, biss f’daqqa waħda
sibt ruħi wieħed minnhom;
ġwinħajja saru bojod u minn fommi
ħareġ għana
li jisboq kull għanja t’għasfur!
Kemm kont kuntent!

Bla dubju d-dramm Il-Prinċep Wiċċ id-Dawl u sa ċertu punt anke d-dramm Żerniq, għandhom valur letterarju.

Qawl antik Amerikan jgħid “Għidli u ninsa, urini u naf ma niftakarx, involvini u nifhem.” U preċiżament dan hu l-iskop ewlieni ta’ dawn it-testi: li jinvolvu lill-istudenti, iċaqilquhom intellettwalment, emottivament u forsi anke fiżikament, u jimmotivawhom biex jipparteċipaw fil-mixja avventuruża tal-karattri, kemm meta jaqrawhom fi grupp u kemm meta jkunu parti minn produzzjoni bbażata fuqhom.

 

 

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s