Ix-Xafra tad-Destin, ktieb ta’ Michael Cini

Din hija ġrajja b’tiżwiqa ta’ mħabba, taqbid u glorja, f’rumanz storiku msejjes fuq iż-żminijiet ta’ qabel, matul, kif ukoll wara l-Assedju l-Kbir ta’ Malta tal-1565.

Ir-rakkont jiftaħ b’attakk feroċi mill-furbani fuq komunità ta’ rziezet fis-satra tal-lejl, fejn kulħadd jiġi mkaxkar bla ħniena bħala skjav. Proprjament, kważi kulħadd.

Dan għaliex, tfajjel li dak iż-żmien ikun għad għandu biss seba’ snin, b’miraklu jirnexxilu jeħlisha. Iżda qatt ma jirnexxilu jeħles mill-għatx għall-vendetta li kien laħaq bejjitlu f’qalbu.

Meta jikber, jibda jitħarreġ u jingħaqad mal-għassiesa tal-Maħras, li dak iż-żmien kienu jieħdu ħsieb li jħarsu lil xtutna mill-inżul tal-furbani. U aktar tard, bħala suldat tad-Dejma Maltija mill-aktar kuraġġużi, ma jistax jonqos li dlonk isib ruħu fuq quddiem nett tal-battalja meta l-Imperu Ottoman, jassedja lil Malta biex jipprova jeqred darba għal dejjem lill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Biss, f’dan ir-rumanz jispikka element partikolari, li joffri lill-qarrej l-opportunità biex din id-darba, iħares lejn l-Assedju l-Kbir tal-1565 minn perspettiva differenti minn tas-soltu – jiġifieri mill-angolu tal-Imdina. B’hekk, il-protagonisti prinċipali se jkunu l-abitanti tal-Imdina u tal-inħawi tal-madwar, fosthom tar-Rabat, Ħal Bajjada, Ħad-Dingli, Ħal Tartarni, l-Imġarr, Ħal Dragu, il-Mosta, Ħal Pessa, in-Naxxar, Ħal Bordi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Muxi, Ħal Qdieri u oħrajn li kienu sabu r-rifuġju tagħhom wara s-swar tal-Belt il-Qadima.

Naturalment il-Kavallerija tal-Ordni, li bi qlubija kbira kienet toħroġ tagħti s-sehem tagħha mill-Imdina, lagħbet parti importanti ferm biex l-Assedju seta’ jintrebaħ. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ma’ Sqallija li baqgħet għaddejja b’sogru kbir biex fl-aħħar setgħet tasal l-għajnuna tant meħtieġa, kienet ukoll organizzata u maħduma mill-Imdina. Hawn ħafna li dan ma jafuhx. Kemm hawn min imqar jimmaġina x’biża’ kienu qegħdin iġarrbu familji sħaħ imkennin wara dawk is-swar dgħajfin? U fuq kollox, kemm hawn min japprezza li l-isforz biex intrebaħ l-Assedju l-Kbir ta’ Malta kien tal-Imdina wkoll?

Hawnhekk ta’ min jinnota li, filwaqt li dan ir-rumanz huwa informattiv b’mod pjaċevoli u mexxej dwar l-andament tal-Assedju l-Kbir, bl-ebda mod u fl-ebda waqt ma jtaqqal moħħ il-qarrej b’informazzjoni żejda li tista’ ddejjaq lil min għandu għal qalbu l-qari tar-rumanzi Maltin. Anzi, x’aktarx li l-qarrej jieħu gost jitla’ fuq is-swar, u jinżel fil-passaġġi sigrieti ta’ din il-Belt antika. Mhux hekk biss, talli faċilment jista’ jiltaqa’ ma’ xi kunjomijiet kif kienu jitlissnu f’dawk iż-żminijiet, kif ukoll jisma’ ftit noti ħelwin ħerġin minn xi flejguta, xi żummara u anke t-tinwiħ ħlejju ta’ xi żaqq. U żgur li se jirnexxilu jterraq ukoll qalb bosta rħajjel antiki li kienu jeżistu dak iż-żmien, imma li llum il-ġurnata x’aktarx li ntesew għax qajla għadhom jissemmew minħabba li nxtorbu mill-irħula l-kbar.

Ix-Xafra tad-Destin huwa minsuġ minn kapitli qosra li jagħmlu r-rakkont aktar mexxej, u li jħajjar lill-qarrej ikompli jaqra biex jiskopri dejjem iżjed x’ser jiġri, bir-riżultat li jsibha aktar diffiċli li jitilqu minn idejh.

Wara s-suċċess li kiseb l-ewwel rumanz tiegħu Preżenza – Inti Temmen fil-Ħares?, l-awtur reġa’ għażel li jirrakkonta din il-ġrajja fl-ewwel persuna, fejn mingħajr telf ta’ ħin, min qed jaqra mill-ewwel isib ruħu fiż-żarbun tal-protagonist prinċipali. B’hekk ma jistax jonqos li jħossu qiegħed jieħu sehem reali f’din l-avventura qalbiena, li minbarra l-waqtiet eċitanti tat-taqbid, ma tonqosx ukoll l-emozzjoni mqanqla li taf toffri l-imħabba safja.

Dan ir-rumanz huwa mħawwar ukoll b’bosta idjomi, espressjonijiet, kif ukoll qwiel Maltin, li għandhom jinżlu tajjeb ma’ dawk il-qarrejja li jfittxu kitba mirquma, u msawra b’tali mod li sservi ta’ ġid letterarju għal min għandu għal qalbu l-ilsien Malti.


 

Michael Cini

Michael Cini twieled il-Ħamrun fl-20 ta’ Lulju tal-1964, u trabba Ħal Balzan. Wara li temm l-edukazzjoni sekondarja u ħadem għal xi snin fil-qasam tat-turiżmu, daħal jaħdem bħala skrivan fis-Servizz Pubbliku. Huwa studja s-sengħa ta’ Draughtsman u llum jokkupa l-kariga ta’ Senior Principal. Matul il-karriera tiegħu, studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fl-Amministrazzjoni Pubblika kif ukoll bħala Qarrej tal-Provi bil-Malti. Huwa miżżewweġ lil Carmen, għandhom tifel jismu Nicolai, u joqogħdu l-Mosta.

Filwaqt li fl-ewwel rumanz tiegħu Preżenza – Inti Temmen fil-Ħares? irnexxielu jlaqqgħek ma’ ruħ ta’ omm li kienet għadha ma tistax issib il-mistrieħ ta’ dejjem, f’dan it-tieni rumanz beħsiebu jgħaddik mill-bieb tal-istorja, u jdaħħlek tieħu sehem miegħu f’din l-avventura qalbiena fi żmien l-Assedju l-Kbir ta’ Malta tal-1565.

 

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to Ix-Xafra tad-Destin, ktieb ta’ Michael Cini

  1. Mario Griscti says:

    Niżżikom ħajr tat-tagħrif dwar Ix-Xafra tad-Destin, ta’ Michael Cini. Indubbjament interessanti.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s