Godfrey 1929-2015

Kif jaqbżu l-għaxra
hemm konna ninġabru
madwar is-sufan l-iswed,
u meta ma nsibukx
xi wieħed minna dejjem kien jistaqsi
‘Mela Godfrey mhux hawn?
Da’ x’kien? Ma ġiex illum?
Min jaf xi ġralu?’

Kemm kienet ilha sejra din l-istorja?
Is-snin it-twal
kull wieħed minna
jara biex int ħiereġ,
anki min
moħbi wara l-gazzetta
taħsbu ma jkunx qed jisma’;
u jekk ma tibdiex int
nibdewlek aħna,
inrewħu l-ġamar
u nistennew
id-daqqa fuq l-inkwina.

Int kont tkun hemm qabilna,
tistenniena,
ħerqan biex tkompli
fejn ħallejna lbieraħ,
iżżid u ssebbaħ,
torqom, tirrepeti l-istess storja
bħal donnok tibża’
li qabżitlek biċċa,
titħabat biex tiftiehem,
tisħaq fuq il-ħsieb oriġinali
li għażlek mill-oħrajn,
l-idea l-kbira
li baqgħet tberren f’moħħok
bħal sikkina,
skoperta waħda, dawl, rivelazzjoni,
li ma telqitek qatt
u qatt ma ċħadtha.

Kemm konna b’kollox?
sitta, tmienja, għaxra l-aktar,
li nafuk sew,
li għadna hawn sal-lum
kif konna dejjem,
u li fid-dawl u d-dija
ta’ waranofsinhar
ma nindunawx
li x-xemx ma ddumx ma tinżel.

Illum nimirħu fil-mergħat ta’ ħsiebek:
il-Kantilena, l-Għarab u l-Lhud,
il-Misilmin, l-Insara, u l-ismijiet
tal-postijiet u n-nies, kif bdew,
minn fejn ġejjin, u kif inbidlu.

U nibqgħu niftakruk
kif kont matul il-vjaġġ,
taqdef kontra l-kurrent,
kburi
li kont fid-dgħajsa waħdek
meta bdejtu,
ferħan se ttir
li kellek il-konferma
ta’ dak li ħdimt għalih
meta temmejtu.

Joe Friggieri
22.5.2015

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

2 Responses to Godfrey 1929-2015

  1. Mario Griscti says:

    Poeżija mill-isbaħ, apprezzament għall-indimentikabbli professur Godfrey Wettinger. Grazzi lilkom u prosit lil Prof Joe Friggieri.

    B’Imħabba:

    mario

    Like

  2. Patrick J. Sammut says:

    Elegija tad-demm u l-laham…

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s